Is-selezzjoni Maltija ta’ taħt it-18-il sena kisbet l-ewwel rebħa tal-istaġun bi stil wara li għelbu lil Sliema Futsal 11-1 f’logħba li huma amministraw ferm tajjeb.
Wara li tilfu l-ewwel tliet logħbiet tal-kampjonat, it-tim immexxi minn Carlo Scicluna ħareġ tajjeb u ftit ta ċans lill-avversarji jilagħbu l-logħba tipika tagħhom. Giorgio Comes u Brave Azzopardi skorjaw erba’ gowls kull wieħed b’Xylon Mercieca u Samuel Cristoph Abela jgħaqqdu l-iskor għaż-żgħażagħ Maltin. Sliema naqqsu l-marġni tal-iskor minn Kenneth Schembri.
F’partita mill-isbaħ, University of Malta ACJ Group għelbu lil ŻRQ Bormla 4-2. B’din ir-rebħa, l-Universarji baqgħu jżommu r-rekord perfett fejn issa għamluhom ħames rebħiet minn daqstant logħbiet. Melvin Borg skorja doppjetta b’Guillherme Fonseca u Kaue Meggiato li wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers. Jose Rodrigo u Karl Sciortino naqqsu l-marġni tal-iskor għal ŻRQ Bormla.
Swieqi Futsal ġabu fix-xejn lil Ta’ Xbiex Iżola Bank tant li rebħulhom 9-1 filwaqt li tawhom l-ewwel telfa staġjonali. Michael Borg kien l-eroj għal Swieqi meta skorja doppjetta personali filwaqt li Brayan Stiven, Gregory Busuttil, Dylan Pace, Matthew Buhagiar, Andrew Abela u żewġ awtogowls żiedu n-numru tal-gowls għat-tim immexxi minn Dylan Micallef, Ta’ Xbiex skorjaw l-uniku gowl tagħhom minn Glenn Bonello.
Iċ-champions Luxol kisbu t-tielet rebħa staġjonali wara li għelbu lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena 10-0. Kif jindika l-iskor, it-tim immexxi minn Gabriel Dobre iddomina din il-partita bis-selezzjoni Maltija li ftit setgħet tagħmel kontra l-qawwa tal-avversarji. Andy Mangion u Luke Gatt kienu awturi ta’ tliet gowls kull wieħed filwaqt li Jean Noel Azzopardi, Maicon, Andre Ciancio u Robert Stoyanov żiedu aktar gowls għat-tim minn St Andrew’s.
Anke Marsaskala Futsal setgħu jiċċelebraw l-ewwel suċċess staġjonali wara li għelbu lil Santa Venera Lightnings 16-1. Craig Pickard skorja erba’ gowls, Ryan Pisani kien awturi ta’ hat-trick filwaqt li kien hemm doppjetti ta’ Bertram Azzopardi u Owen Duca. Min-naħa l-oħra, Zack Cocker, Andrew Cachia, Ismael Tabone, Zemkin Seisun u Josef Balzan għaqqdu l-iskor għall-Iskalin. Densten Agius Costigan skorja l-uniku gowl għall-Vendriżi.
Finalment Birżebbuġa kisbu t-tielet rebħa staġjonali meta għelbu lil Gżira United Santa Margherita 6-2. It-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta skorja l-gowls tiegħu minn doppjetta ta’ Dale Vella u gowls oħrajn ta’ Kieran Debono, Daniel Abdilla, Dylan Bonnici u awtogowl. Yessous Camilleri skorja doppjetta għal Gżirjani.
KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE
University of Malta ACJ 15, Ta’ Xbiex 12, ŻRQ Bormla, Luxol 10, Swieqi,Birżebbuġa 9, Sliema Wanderers, Futsal Selection U19 4, Gżira United Santa Margherita, Futsal Selection U18, Marsaskala 3, Santa Venera Lightnings 0