Minn Jannar li ġej madwar seba’ mitt familja se jkunu qed jibbenefikaw mit-tisħiħ sostanzjali fil-benefiċċju tal-kera.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta Ġusta’ li spjegat diversi miżuri mill-Baġit għas-sena dieħla li se jkomplu jassistu lil dawk li jixtiequ jsiru sidien ta’ darhom jew inkella jwettqu xogħlijiet ta’ tisbiħ fuq il-proprjetà tagħhom.
Fil-fatt, il-massimu li persuna waħedha tirċievi minn dan il-benefiċċju se jiżdied minn €3,600 u għal €4,200.
Dan filwaqt li familja b’wild wieħed se jkollhom żieda f’dan il-benefiċċju ta’ €600 għal €5,400. Familji b’żewġ ulied jew aktar se jibbenefikaw minn €6,000, żieda ta’ €1,000.
Matthew Zerafa, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, qal kif minn riċerka li qed issir fi ħdan il-Ministeru tal-Akkomodazzjoni Soċjali, setgħu jiġu indirizzati il-bżonnijiet tan-nies iktar mill-qrib u dan ġie propju attwat fil-Baġit 2024.
Huwa qal li l-istabilità tal-familji Maltin u Għawdxin hija l-għan wara dawn il-miżuri u qed iħarsu lejn is-sena li ġejja b’ottimiżu biex dawn l-iskemi jkunu iktar eliġibbli għal dawk kollha li għandhom bżonn.
“Permezz ta’ din l-informazzjoni li aħna għandna, ntejbu l-iskemi kif rajna fl-aħħar Baġit. Jiġifieri parikolarment mid-data li rajna, rajna l-bżonn li ntejbu l-Benefiċċju tal-Kera u nixtieq ngħid li mill-ewwel ta’ Jannar b’mod effettiv 700 familja se jaraw titjib fil-Benefiċċju tal-Kera tagħhom kif ukoll rajna sal-ġimgħa l-oħra stess, ħabbarna rapport fuq il-profil tal-first-time buyers u tejjibna l-iskema tal-grant għall-ewwel residenza, li nagħtu lil dawk il-familji li huma single biex issa jlaħħqu kumplessivament l-istess ammonti across the board.”
Intant il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes aċċenna li l-aħħar statistika li ħarġet mill-Awtorità tad-Djar li turi li ħafna min-nies li jkunu first-time buyers, jixtru post waħedhom u mhux bħala koppja.
B’hekk il-Gvern se jkun qed jestendi l-miżura tal-għotja ta’ elf ewro għal għaxar snin għall-first-time buyers. Dan wara li, matul din is-sena, kienu 2,600 persuna li xtraw l-ewwel dar fl-2022 u bbenefikaw minn tliet miljun ewro, b’mod kollettiv.
Għas-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed iżid l-allokazzjoni favur din il-miżura għal ħames miljun u mitejn elf ewro.
Il-Ministru Roderick Galdes qal li dan il-Gvern għandu l-enerġija li jkompli jgħin il-ħajja tan-nies biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Huwa tenna li mhuwiex faċli li tagħmel dan kollu fi sfond ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent però dan il-bilanċ qed jintlaħaq b’mod sħiħ.
“Dan il-Baġit huwa wieħed soċjali għaliex il-Gvern ma naqasx li jkompli jinvesti anka fis-settur tal-housing. Għal-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna għana l-ikbar baġit rikorrenti ta’ kull sena marbut mal-qasam tad-djar fejn kważi ħa mmissu ċ-ċifra issa ta’ ħamsin miljun. Kull sena Gvern Laburista dawn l-aħħar għaxar snin kompla jżid sena fuq sena il-baġit tal-Awtorità tad-Djar u rridu nsemmu wkoll il-mija u ħamsin miljun ewro investiment li qegħdin nagħmlu fuq bini ta’ appartamenti ġodda.”