Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, nediet ‘Let’s Move Malta’, inizjattiva ta’ ġimgħa t’attivitajiet sportivi li fiha se jkun hemm involuti bosta nies minn oqsma tal-ħajja.
Dr Abela, ukoll bħala President ta’ Special Olympics Malta, irrimarkat li din il-ġimgħa għandha skop li tgħaqqad, hekk kif irrimarkat li s-sabiħ tal-isport hu li jġib bosta persuni flimkien.
Qalet li din l-inizjattiva ta’ fejda favur soċjetà aktar b’saħħitha għandha wkoll twassalna biex aktar persuni jinvolvu ruħhom f’attivitajiet fiżiċi.
“L-isport hu għodda li timmotivak. Permezz tal-isport tħossok aħjar u għalhekk irridu naraw soċjetà aktar b’saħħitha, soċjetà involuta aktar f’attivitajiet sportivi.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Grima tkellem dwar l-investiment kbir li sar f’dawn l-aħħar snin fl-infrastruttura sportiva u qal li dawn il-faċilitajiet mhux biss qed jitgawdew mill-atleti u l-isportivi kollha, imma qegħdin hemm ukoll għall-pubbliku b’mod ġenerali.
Hu sostna wkoll l-importanza ta’ dawn l-attvitajiet għas-saħħa mentali.
“Dawn it-tip ta’ inizjattivi proprju jassiguraw li jkun hemm l-għarfien, fuq kollox, ikun hemm l-attività li tgħin biex nippriservaw is-saħħa mentali.”
Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, tkellem dwar kif wieħed għandu jieħu opportunitajiet minn inizjattivi bħal dawn, biex permezz ta’ oqsma differenti tal-ħajja, fosthom fuq il-post tax-xogħol, wieħed jagħmel attività fiżika fil-post fejn l-aktar iqatta’ l-ħin tiegħu.
Hu qal li permezz ta’ din l-inizjattiva rridu nuru li kulħadd jista’ jagħmel attività fiżika, għandu kemm għandu età u, fuq kollox, kullimkien.
L-attivitajiet huma mifruxin mill-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, id-Dar Residenzjali San Vinċenz De Paul, il-Kumpless Sportiv tal-Marsa, San Blas u l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.