Il-kantant-awtur Ingliż Ed Sheeran, wieħed mill-aktar artisti mfittxijin fid-dinja, se jkun qed jagħti l-kunċert tiegħu f’Malta fis-26 ta’ Ġunju 2024 f’Ta’ Qali.
L-organizzaturi AEG Presents, greatt, u NNG Promotions, bi sħab ma’ One Fiinix Live qed jantiċipaw li l-kunċert fuq serata waħda mistenni jkun spettaklu epiku bi vjaġġ mużikali mill-aqwa fejn dan l-istilla globali lest biex jisraq il-qlub tal-ammiraturi tiegħu fuq sfond Malti.
Il-kunċert f’pajjiżna ġie inkluż fis-sensiela bħala parti mill-‘Ed Sheeran Mathematics Tour’.
Fl-età ta’ 32 sena, Sheeran diġà biegħ aktar minn 150 miljun diska madwar id-dinja u l-kanzunetti famużi tiegħu, bħal ‘Shape Of You’, ‘Castle On The Hill’, ‘Perfect’ u ‘I Don’t Care’, fost oħrajn, serqu l-qlub ta’ diversi ġenerazzjonijiet.
Id-diski popolari ta’ Ed Sheeran, bla dubju, sabulu post speċjali wkoll fil-qlub ta’ miljuni ta’ nies mad-dinja kollha u dan il-kunċert se jkun opportunità għal Maltin u t-turisti li se jżuruna biex ikunu xhieda tat-talent inkredibbli li għandu fi spettaklu ieħor f’pajjiżna li mistenni jkun indimentikabbli.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo stqarr li l-kunċert ta’ Ed Sheeran hu xhieda li Malta saret punt ewlieni għall-artisti barranin.
Tħabbar li għall-kunċert tiegħu fostna, li se jaħbat fil-jum tal-Erbgħa, se jiftaħ permezz tal-kantant Ingliż Calum Scott, li kien ipparteċipa fil-Britian’s Got Talent fl-2015 u sussegwentement iddomina l-klassifika Ingliża bis-single “Dancing On My Own” fis-sajf tal-2016.
Il-bejgħ tal-biljetti għal dan il-kunċert kbir, li qed ikun appoġġjat mill-brand VisitMalta tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), se jibda minn nhar il-Ġimgħa li ġej, 10 ta’ Novembru, fl-10:00 a.m. esklussivament fuq il-websajt www.showshappening.com.
Aktar tagħrif jinsab fuq il-paġna uffiċjali tal-avveniment – bit.ly/EDSHEERANMT.