Il-plejer tad-darts Olandiż Michael Busscher rebaħ il-kompetizzjoni individwali tal-irġiel fil-finali tal-Malta International Darts Open meta għeleb lill-Ġermaniż Marcus Maier 5-3.
Kienet logħba interessanti u inċerta sal-aħħar b’Busscher li minkejja kollox dejjem kellu xi ħaġa aħjar mill-avversarju Maier.
F’din il-kompetizzjoni maskili, kienu Norbert Attard u Eucharist Baldacchino li waslu sal-aħħar 32. Attard ġie megħlub mill-finalist Marcus Maier 4-2 filwaqt li Baldacchino ġie megħlub mill-Ġermaniż Marc Burmeister 4-0.
Fil-kategorija femminili, suċċess għal Noa Lynn Van Leuwen li ddominat għalkollox lill-Ġermaniża Irina Armstrong tant li rebħet 5-0.
Althea Ciantar kienet il-plejer Maltija li avvanzat l-iżjed meta waslet sal-aħħar 32 għalkemm imbagħad ġiet eliminata mill-Ingliża Rebecca Brouse 4-0.
Fil-kategorija tal-Youths, il-plejer Malti Kyle Satariano wasal sal-finali għalkemm tilef 5-0 kontra l-Ingliż Ryan Branley.
Ta’ min jinnota wkoll iż-żagħżugħ emerġenti Thomas Sammut li wasal sas-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni fejn imbagħad safa’ eliminat mill-istess Satariano.
Fil-kompetizzjoni Standing Paradarts, il-Malti Joseph Martin wasal sal-kwarti tal-finali hekk kif ġie megħlub mid-Daniż John Jensen 3-0. Sadanittant kien North Steve mill-Ingilterra li rebaħ il-finali wara li għeleb lin-Norveġiż Alan Rask 4-1.
Fialment fil-Masters Wheelchair Para Darts, Bradley Zerafa lagħab fi grupp B fejn kiseb rebħa u żewġ telfiet.
Wara telfa ta’ 2-0 kontra Kevin Stringer tal-Ingilterra, Zerafa rebaħ 2-0 lit-Taljan Sergio Bartolini għalkemm kien żvinturat kontra n-Norveġiż Jesper Andersen meta tilef 2-1.
B’hekk intemmet edizzjoni oħra tal-Malta International Darts Open li sar appuntament annwali mad-dilettanti tad-darts madwar l-Ewropa hekk kif din is-sena kien hemm żieda fil-parteċipazzjoni barranija filwaqt li din kienet l-ewwel darba wara ħafna snin li t-turnew sar fi tmiem il-ġimgħa.