Fi sfond ta’ intervista fejn fiha elenka numru ta’ miżuri mill-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela bil-fatt, innota wkoll id-differenza kbira bejn dan il-Gvern li qed jagħmel ħiltu biex ikompli jmexxi lil pajjiżna ’l quddiem u l-Partit Nazzjonalista li ta’ kuljum jingaġġa tattiċi partiġġjani jipprova jxekkel dan kollu.
Fost oħrajn, il-Prim Ministru nnota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech bbojkottja l-iffirmar tal-ftehim taż-żieda fil-paga minima.
Ftehim storiku li minn Jannar li ġej, il-Paga Minima Nazzjonali se tkun qed titla’ għal €213.54 fil-ġimgħa minn €192.73, b’aktar żidiet fis-snin li ġejjin.
Hawnhekk il-Prim Ministru spjega li dan ikompli jikxef is-sentiment veru tal-Partit Nazzjonalita, lejn dawn it-tip ta’ miżuri ta’ għajnuna.
Il-Prim Ministru nnota wkoll in-nuqqas ta’ serjetà tal-Partit Nazzjonalista li ta’ kull sena toħroġ biċ-ċar fil-perjodu li fih jitħabbar il-Baġit.
Fil-fatt, spjega kif din is-sena, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhux talli ma’ ppruvatx tagħmel tajjeb għat-tgħaffiġa li tas-sena l-oħra b’rabta mal-Pre-Budget Document, u li saħansitra l-midja indipendenti ddeskrivietu bħala ‘mess’, iżda din is-sena saħansitra ma għamlu xejn ħlief numru ta’ slides.
Slides li lanqas id-Deputati responsabbli mill-ekonomija u l-finanzi ma kien jaf il-bażiku dwar is-suppost viżjoni tagħhom.
“Din id-darba qas Pre-Budget Document ma għamlu. Is-sena l-oħra għamlu Pre-Budget Document, tant kien fih żbalji li l-midja kienet qaltilhom għamiltu ‘mess’, tgħaffiġa. Din is-sena flok studjaw u ppreparaw ruħhom u għamlu Pre-Budget Document serju mingħajr żbalji, marru għall-iktar faċli, ma għamlu xejn. Imbagħad għamlu ftit slides li lanqas il-kelliema tagħhom ma kienu jafu x’kien fihom.”
– il-Prim Ministru Robert Abela
Sadanittant, waqt l-intervista l-Prim Ministru ġie mistoqsi dwar sitwazzjoni fejn fiha l-esponenti ewlenin tal-establishment Nazzjonalista Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia, qed ifittxu personalment lit-tliet membri mit-Tribunal Industrijali għaliex sempliċiment ma qablux mad-deċiżjoni li ttieħdet kontra l-Union li qed jirrappreżentaw, dwar kif il-grad tal-Learning Support Educators, mhux distint minn dak tal-għalliema għaliex ilkoll huma edukaturi
Fil-fatt, iż-żewġ deputati tal-Blue Heroes kif ukoll esponenti ewlenin tal-għaqda Repubblika u li jħabbtu fuq sidirihom għas-saltna tad-dritt, fetħu kawża kontra l-membri tat-Tribunal b’atteġġjament sintomatiku ta’ dak anke mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Dr Abela sostna li hija tal-mistħija li dawn in-nies biex jeżerċitaw il-poter iridu jintimadaw l-istituzzjonijiet u saħaq li bil-kontra tagħhom, il-Gvern se jibqa’ juri l-appooġġ u l-protezzjoni tiegħu lejn l-istituzzjonijet li qed jagħmlu xogħolhom b’mod leġittimu.
“Din hija xi ħaġa, intimidazzjoni li ma nistgħux naċċettawha għaliex li int tikkontesta d-deċiżjoni ta’ organu ġudizzjarju, dik għandek l-għodod legali biex tagħmilha, imma li toħloq dawn il-pressjonijiet u l-intimidazzjonijiet biex fil-kawża li jmiss biex issa jidru dawn iż-żewġ avukati u oħrajn li jiffurmaw parti minn din il-klikka privileġġata f’dan il-pajjiż, dawk l-istituzzjonijet jiddeċiedu kif iridu huma, għax l-għan dak huwa li jbeżżgħuhom, jikkundizzjonawhom biex id-darba li jmiss meta issa jidhru quddiemhom, naturalment iħossu li jiddieċiedu kif iridu dawn tal-establishment għaliex inkella jafu li r-riperkussjoni fuqhom tkun li se jiġu mfittxija personalment.”
– il-Prim Ministru Robert Abela
Quddiem dan l-aġir il-Prim Ministru temm jgħid li qed joħroġ dejjem aktar biċ-ċar kemm il-Partit Nazzjonalista jinsab fi stat ta’ paniku u disprament filwaqt li ma joffri l-ebda alternattiva għal-pajjiżna.