“Dan huwa Baġit għan-nies u li jifhem ir-realtajiet tan-nies minn kull faxxa tas-soċjetà.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt intervista, il-Ħadd filgħodu.
Fil-fatt, il-Prim Ministru tkellem dwar ġimgħa impenjattiva ferm, fejn tħabbar il-Baġit għas-sena d-dieħla. Baġit deskritt bħala baġit tan-nies għaliex tfassal minn diversi laqgħat li saru man-nies f’kull faxxa tas-soċjetà.
Dr Abela qal li l-messaġġ bażiku wara kull miżura huwa wieħed ta’ inkorraġiment.
Fost id-diversi miżuri importanti li tħabbru, il-Prim Ministru semma l-miżura li tkompli tinkoraġixxi l-edukazzjoni, u li tagħti €500 kull sena għal 3 snin lil ġenituri ta’ tfal, li bdew l-ewwel sena tal-edukazzjoni Post-Sekondarja tagħhom, mis-sena skolastika preżenti. Minn din il-miżura sa tliet snin oħra se jgawdu mal-15,000 familja, b’nefqa ta’ €7.5 miljun.
Il-Prim Ministru spjega kif se tkun qed taħdem din il-miżura li tagħmel tajjeb ukoll għal tfal li diġà qegħdin fit-tieni sena tal-edukazzjoni Post-Sekondarja tagħhom.
“Kien hemm min saqsa wkoll, jien għandi t-tifel jew it-tifla li qiegħda fit-tieni sena jiġifieri la ħa tieħu xejn tat-tieni sena jew tat-tielet sena? Le, se tieħu €500 tat-tieni sena, se tieħu t-tieni €500 tat-tielet sena jiġifieri se tkun qed tirċievi €1,000 u jekk tkun irrepetejt it-tieni sena biex nieħu eżempju, hemm ukoll int tkun intitolat għal dan il-pagament.”
Dr. Robert Abela – Prim Ministru
Dr Abela tkellem ukoll dwar il-mekkaniżmu addizzjonali tal-għoli tal-ħajja li se jkun qed jara tibdil fi ħdanu hekk kif se tkun qed titwessa’ l-eliġibilità tiegħu biex b’hekk minnu se jibbenfikaw mal-95,000 familja.
Fl-istess intervista l-Prim Ministru aċċenna għaż-żjarat man-nies fejn qal li hija xi ħaġa li trid tibqa’ għaddejja biex tkompli tiġi mfassla politika bbażata fuq l-esperjenza u l-ħajja tan-nies, fosthom l-anzjani.
Dr. Abela qal li fil-Baġit hemm diversi miżuri li jinċentivaw nies avvanzati fl-età jibqgħu fis-soċjetà tagħna.
“Waħda minnhom hija dik fejn għal dawk li jibqgħu fid-dinja tax-xogħol, il-persentaġġ mill-pensjoni li ma jitqiesx għal finijiet ta’ dħul bħala taxxabli, tellajnieh għal darba oħra ‘l fuq. Jiġifieri din hija miżura li se tħalli iżjed flus fil-bwiet tal-pensjonanti għax se tkun qed tnaqqas il-proporzjon ta’ taxxa. U għal dawk li jagħżlu li jipposponu ‘l quddiem il-pensjoni tagħhom u jibqgħu jaħdmu hemm jistgħu jibbenefikaw minn titjib fil-pensjoni tagħhom li se jkun qed imiss it-30%.”
Dr. Robert Abela – Prim Ministru
Dwar is-settur tad-diżabilità, il-Prim Ministru aċċenna għal miżura ta’ kreditu ta’ taxxa li ġie msaħħaħ bi €300 u li permezz tagħha issa nies b’diżabilità se jkunu qed jibbenefikaw minn €500 fis-sena favur servizzi ta’ terapija.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar it-€350 miljun li ġew allokati għal sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija filwaqt li spjega kemm ġew iffrankati flus lill-familji Maltin fost oħrajn.
“Qed nitkellmu li familja qed tiffranka mat-€3,000 fis-sena, jiġifieri dawk huma €3,000 li se jibqgħu fil-bwiet tal-familji tagħna. Kieku nagħmlu kif qalilna nagħmlu l-Partit Nazzjonalista u ntellgħu l-prezz tal-petrol, tad-diesel u tad-dawl skont is-sjuq internazzjonali, inkunu qed nitolbu mill-familji tagħna li ta’ kuljum u ta kull ġurnata it-Tnejn sal-Ħadd, kull ġurnata tas-sena mill-bwiet tal-familji tagħna, aħna nkunu qegħdin nieħdu iktar minn €8 ewro kuljum.”
Dr. Robert Abela – Prim Ministru
Fl-aħħar il-Prim Ministru temm jgħid li l-isfidi matul dawn it-3 snin ma naqsux però pajjiżna dejjem ħataf l-opportunitajiet biex in-nies jibqgħu jiġu inċentivati li jibqgħu jafdaw lil dan il-pajjiż.
Sostna li pajjiżna se jibqa’ jkollu riżultati b’saħħithom għaliex jemmen fil-kwalitajiet tal-poplu Malti u Għawdxi u fil-kwalitajiet ta’ Malta Ġusta.
“Bqajna ninċentivaw lin-nies f’dan il-Baġit biex ikollhom iżjed purchasing power, bqajna ninċentivaw lin-nies b’tant u tant miżuri f’dan il-pajjiż u r-riżultati huma dawk li kellna f’dawn l-aħħar xhur li għandna issa, riżultati b’saħħithom se jibqa’ jkollu dan il-pajjiż għax nemmnu fil-kwalitajiet tal-poplu tagħna fuq kollox nemmnu f’Malta Ġusta.”
Dr. Robert Abela – Prim Ministru