Qalbna tħabbat l-aktar ma’ dawk il-persuni li huma l-aktar fil-bżonn.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela permezz ta’ artiklu ppubblikat fil-ħarġa tal-Ħadd ta’ The Sunday Times of Malta li fih iffoka fuq il-ġejjieni ta’ pajjiżna.
Fost l-oħrajn il-Prim Ministru nnota diversi miżuri soċjali li kellu l-Baġit għas-sena d-dieħla bit-tema ‘Malta Ġusta’, li lkoll jirriflettu l-prijoritajiet tal-Gvern Laburista li filwaqt li jħares li jimbotta ekonomija soċjali.
Dr Abela ta ħarsa lejn l-ambjent li fih tħabbar dan il-Baġit, fid-dawl ta’ diversi sfidi internazzjonali li qegħdin iħallu pressjonijiet inflazzjonarji madwar id-dinja kolla. Fost dawn semma l-pandemija u tensjonijiet ġeopolitiċi.
Madanakollu, l-Prim Ministru stqarr kif flimkien m’hemm l-ebda sfida li nistgħux ngħelbu. Dan filwaqt li nnota l-effetti serji tal-isfidi internazzjonali fuq numru ta’ ekonomiji madwar id-dinja ferm akbar minn dik ta’ pajjiżna.
Abela kkuntrasta dawn l-effetti ma’ dak li qed jiġri f’pajjiżna hekk kif stqarr li l-ekonomija Maltija għelbet numru minn dawn l-isfidi u qed jirnexxilha tirreġistra tkabbir sena wara l-oħra.
Dan is-suċċess ekonomiku attribwih għal tliet fatturi ewlenin; l-istabbiltà għall-familji u n-negozji b’rabta mal-prezzijiet tal-enerġija għall-kuntrarju ta’ dak li ġara f’pajjiżi oħra, it-tisħiħ tal-benefiċċji soċjali u l-ħolqien ta’ ambjent b’kundizzjonijiet tajba biex tiġi inċentivata prosperità ġdida.
Hawnhekk żied jgħid kif il-Baġit irrijafferma l-prijoritajiet strateġiċi li għandu l-Gvern għall-pajjiż.
F’dan l-ispirtu ta’ ekonomija soċjali, l-Prim Ministru semma l-miżura li kompliet tiggarantixxi l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija b’investiment ta’ €350 miljun, miżura li ddeskriviha bħala injezzjoni diretta fl-ekonomija li se tiżgura livell ta’ għajxien għola minn dak ta’ ċittadini Ewropej oħra.
Miżura oħra li nnota l-Prim Ministru kienet dik tas-seba’ mija u tmenin ewro żieda fis-sena fil-pensjonijiet, li għal ħafna din iż-żieda se tkun aktar.
Dan għal kuntrarju ta’ dak li sar għal numru ta’ snin taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti fejn fihom il-pensjonijiet kienu ffriżati.
Dr Abela rrefera għal miżuri oħra tal-Baġit għal dawk li huma parteċipi fid-dinja tax-xogħol fosthom il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-inflazzjoni.
Il-Prim Ministru stqarr li għall-Gvern il-familji Maltin u Għawdxin, jirrappreżentaw il-futur u għalhekk l-Gvern hu determinat biex jkun ta’ sapport għalihom.
Huwa għalhekk li l-Baġit għas-sena d-dieħla nkluda ż-żieda fl-għotja għall-ewwel wild minn ħames mitt ewro għal elf ewro, fost miżuri oħrajn bħal żieda oħra fiċ-Children’s Allowance u għotja ta’ ħames mitt ewro kull sena għal 3 snin, għal dawk il-ġenituri li uliedhom jibqgħu jistudjaw
Fl-artiklu tiegħu, Dr Abela rrefera wkoll għall-allokazzjoni ta’ kważi biljun ewro għal proġetti kapitali. Dawn se jkunu qed jirdoppjaw l-investiment kapitali fil-qasam tas-saħħa u jittriplaw fis-settur edukattiv minn kif kienu qabel il-pandemija.
Il-Prim Ministru stqarr ukoll kif is-sena d-dieħla se jsir investiment qawwi fil-qasam tal-enerġija nadifa u aktar investiment b’risq aktar spazji miftuħa u ħodor.
Dr Abela temm l-artiklu tiegħu billi ddikkjara kif dan il-Baġit immarka pass importanti fl-implimentazzjoni tal-viżjoni tal-Gvern fejn il-pajjiż ikun inqas dipendenti fuq ir-riżors uman ta’ ħaddiema barranin, u t-tisħiħ tal-viżjoni għal Għawdex bħala gżira ta’villaġġi.
Fl-aħħarnett, il-Prim Ministru qal li t-tema ‘Malta Ġusta’ tirrigwardja l-pjan ħolistiku biex jitjieb il-livell ta’ għajxien għal kulħadd.