Serħan il-moħħ u tama lill-anzjani. Dan kien il-mod li l-Partit Laburista ddeskriva l-Baġit għall-2024 ‘Malta Ġusta’, f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph Debattista, u d-Deputata Laburista, Katya De Giovanni.
Debattista, qal li minkejja t-taqlib li għaddejja minnu d-dinja, l-anzjani m’għandhomx ibatu, wara s-sagrifiċċji li jkunu għamlu u b’hekk il-Gvern se jerfa’ dan il-piż biex huma jimxu ’l quddiem.
Hu nnota kif, għall-Partit Laburista, mhemmx anzjani tal-ewwel jew it-tieni klassi, tant li dan il-baġit qed jimmira li jnaqqas l-inġustizzja li kien ħoloq il-Gvern ta’ GonziPN, mal-anzjani li twieldu qabel l-1962.
Qal “Aħna qatt ma nistrieħu fuq dak li nkunu ksibna, u għalhekk, dan il-baġit qed jara żieda rekord fil-pensjonijiet. Żieda ta’ €780 fis-sena. Qatt f’pajjiżna ma rajna żieda bħal din. Imma dan mhux biżżejjed, għax ma’ dan hemm numru oħrajn ta’ benefiċċji li ħafna anzjani se jkunu qed jibbenefikaw minnhom.”
Żied jgħid li dan il-baġit jaħseb f’kulħadd, fosthom dawk b’xi bolol imħallsa, iżda li ma kinux jikkwalifikaw għall-pensjoni u dawk l-anzjani li jridu jibqgħu jgħixu fil-komunità sabiex jibqgħu attivi anke lil hinn mill-età tal-irtitrar.
Semma wkoll diversi proposti fil-Manifest Elettorali, Malta Flimkien, fosthom li servizz tas-saħħa fil-komunità, fosthom iċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran, kif ukoll is-servizz tat-trasport b’xejn għall-anzjani, is-Silver T.
Temm jgħid li sa mill-bidu tiegħu, il-Partit Laburista dejjem kien it-tarka tal-anzjani.
Min-naħa tagħha, id-Deputata Laburista, Katya De Giovanni, spjegat, kif il-miżuri f’dan il-baġit, se jaffetwaw diversi faxex fis-soċjetà.
Qalet “Filwaqt li l-anzjani qegħdin fil-qalb tal-ħidma tal-Gvern, qegħdin proprju nwieżnu kull faxxa tas-soċjetà, b’bosta sussidji, fosthom fl-enerġija, u dan jista’ jsir għax l-ekonomija hija b’saħħitha u l-miżuri huma kollha sostenibbli.”
Koppja pensjonanti, se jibbenefikaw minn żieda fil-pensjoni, mill-għotja tal-anzjani ‘l Fuq minn 80 sena, u l-benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. B’hekk din il-koppja se tiżdied b’ €1,890 fis-sena, mentri fi żmien Gvern Nazzjonalista, dawn kienu jħallsu €234 f’taxxa.
Pensjonanta xebba, se tigwadanja minn żieda fil-pensjoni, bonus għall-għoli tal-ħajja, u l-benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. Issa se tiżdied b’ €1,003 fis-sena, filwaqt li fi żmien Gvern tal-Partit Nazzjonalista, kienet tispiċċa tħallas €125 f’taxxa.
Pensjonanta armla, żieda fil-pensjoni, żieda addizzjonali fil-pensjoni tar-romol, u l-benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. Permezz ta’ dawn il-miżuri, issa se tibbenefika minn €1,000 fis-sena, filwaqt li taħt Amministrazzjoni Nazzjonalista, kienet tispiċċa tħallas €130 f’taxxa.
Ħaddiem ta’ ‘l fuq minn 60 sena, jekk jaħdem sa 64 sena, se jiżdied b’ €2,977 fis-sena, filwaqt li fi żmien Gvern Nazzjonalista, kien jispiċċa jħallas €447 f’taxxa.
Koppja li tgħix bil-pensjoni tal-età, tibbenefika miż-żieda fil-pensjoni, bonus f’bolol fis-sena, l-għotja tal-anzjani ‘il fuq minn 80 sena, u l-benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. B’hekk permezz ta’ dan il-baġit, din il-koppja se tiżdied b’ €1,380 fis-sena, filwaqt li fi żmien amministrazzjoni preċedenti kienet tħallas €207 f’taxxa.