Minkejja li jridha tal-paladin tal-governanza t-tajba, l-Avukat Pawlu Borg Olivier ma jiddejjaqx jikser ir-regolamenti kif u meta jfettillu. Dan hekk kif Borg Olivier iddeċieda li jipparkja fejn mhux suppost fil-Belt Valletta.
Borg Olivier, bħala parti mill-establishment u l-friegħi Nazzjonalisti ta’ Repubblika u Occupy Justice, fost l-oħrajn, dejjem irid jippontifika lejn ħaddieħor, bħalma jagħmlu wkoll sħabu. Iżda huma dejjem jippretendu li jistgħu jagħmlu li jridu u allura l-liġijiet ma japplikawx għalihom.
Dwar dan ġibed l-attenzjoni dalgħodu l-Kumitat Laburista fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook fejn, bla jirreferu għalih b’ismu, qal “lill-Avukat tal-‘Holier Than Thou’, u li ġeneralment issibu jwaddab il-karti mal-art ħdejn il-Parlament … li hu mhux ’il fuq mil-liġi u għandu jsegwi r-regolamenti mingħajr ma jipparkja fuq double yellow line. Dan kien Sindku għal ġieħna!”.
Dan anke jekk l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista hu residenti tal-kapitali u, allura, għandu spazji riservati ta’ parkeġġi apposta għalih, bħall-bqija tal-Beltin.
Parkeġġi li fuqhom ma jista’ jipparkja ħadd matul il-ġurnata kollha, jekk mhux resident, u oħrajn li huma esklussivi għar-residenti Beltin bejn is-7:00 ta’ filgħaxija u s-7:00 ta’ filgħodu.
Minkejja dan, l-ipokrezija ta’ Borg Olivier spikkat għal darb’oħra.