Sigħat ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija wasslu għall-arrest ta’ Kroat ta’ ħamsa u tletin sena li jgħix San Pawl il-Baħar, li fl-aħħar ġimgħat – bejn Settembru u dan ix-xahar – allegatament seraq oġġetti u flus kontanti minn diversi vetturi f’San Pawl il-Baħar u l-Qawra.
L-Erbgħa għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar, raġel irrapporta fl-Għassa tal-Qawra li ra fil-fatt raġel jipprova jisraqlu l-affarijiet mill-vettura, iżda ħarab minn fuq il-post.
B’din l-informazzjoni f’idejha, il-Pulizija bdew ronda fl-akkwati biex isibu lir-raġel skont id-deskrizzjoni li ngħatat.
Ftit ħin biss wara, il-pulizija raw lill-allegat ħalliel, li malli nduna bil-preżenza tal-uffiċjali, ħarab jiġri minn fuq il-post u daħal fi blokka ta’ appartamenti. Bil-ħsieb li jaħrab, huwa qabeż madwar sular u nofs fi ġnien ta’ residenza privata u wara qabeż ċint ieħor madwar sular għoli.
Il-Pulizija komplew jiġru wara l-allegat ħalliel, kemm bil-pass kif ukoll bil-vetturi, sakemm instab u ġie arrestat f’kumpless ta’ garaxxijiet.
Tfittxija fir-residenza tiegħu wasslet għas-sejba ta’ numru ta’ oġġetti li kienu ġew irrappurtati misruqa f’dawn l-aħħar xhur.
Ir-raġel qed jinżamm fil-lockup tal-Pulizija u mistenni jitressaq b’arrest il-Qorti fil-jiem li ġejjin.