Mara li sofriet ġrieħi ħfief meta żewġha, waqt li kien xurban, għamlilha sikkina m’għonqha waqt argument, waqqgħet ir-rapport meta r-raġel tressaq il-Qorti dalgħodu.
Riżultat ta’ dan, il-każ waqa’ u l-Qorti ma setgħetx timponi miżuri ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara.
Ir-raġel ta’ ħamsa u ħamsin sena minn Ħal Qormi tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ vjolenza domestika u kkaġunar ta’ feriti.
Il-mara kienet marret għand il-Pulizija wara li żewġha kien mar id-dar fis-sakra u żamm sikkina m’għonqha, b’riżultat li laqatha f’geddumha.
Iżda l-avukat difensur qal lill-Qorti li ġie nfurmat li l-vittma ma tridx tipproċedi bil-każ.
Il-vittma ssejħet fuq il-pedana tax-xhieda, fejn qalet li meta jixrob, żewġha jkun raġel differenti, imma xorta ma tridux imur il-ħabs.
Fil-fatt, il-mara baqgħet tinsisti li twaqqa’ l-ilment kriminali, anki wara li l-Maġistrat qalilha li jekk tagħmel hekk, il-Qorti ma tkun tista’ tagħmel xejn.
Dan jiġri f’ħafna każijiet ta’ vjolenza domestika, meta vittmi f’relazzjonijiet vjolenti jew abbużivi, jagħżlu li ma jkomplux bi proċeduri kriminali meta jaraw lill-parti l-oħra l-Qorti.