Żagħżugħ ta’ 24 sena minn San Pawl il-Baħar li ġie arrestat talli kien qed ipejjep il-ħaxixa f’park nazzjonali fil-Halloween, ċaħad akkużi marbuta ma’ pussess aggravat tal-kannabis.
Christopher Frendo ġie arrestat fil-Park tas-Silini wara li Pulizija li kienu waqt ronda xammew riħa qawwija ta’ ħaxixa fost grupp ta’ żgħażagħ.
Frendo ġie akkużat li kien fil-pussess tal-kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu – għamel dan f’żona fejn jinġemgħu ż-żgħażagħ.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li tfittxija fuq iż-żagħżugħ irriżultat li kellu fuqu tmienja u erbgħin gramma ta’ kannabis f’erbatax-il pakkett.
Il-Qorti ħelset lill-imputat mill-arrest u wissietu li jekk jikser il-kundizzjonijiet imposti fuqu, jista’ jispiċċa l-ħabs.
Huwa ġie ordnat jiffirma f’għassa darbtejn f’ġimgħa, ikun id-dar f’ċertu ħinijiet, u jiddepożita d-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħu fil-Qorti.
Huwa nħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ ħamest elef ewro u garanzija personali ta’ ħmistax-il elf ewro.