L-Aworità tal-Ippjanar ċaħdet applikazzjoni ta’ żvilupp proposta li fittxet li tissostitwixxi ‘terraced house’ tradizzjonali b’bini ta’ erba’ sulari tul Triq tal-Mensija f’San Ġwann.
Fi stqarrija ntqal li l-Kummissjoni qalet li r-residenza li hemm bħalissa hija parti integrali minn streetscape ddisinjat b’mod metikoluż ikkaratterizzat minn djar simili oħra ta’ żewġ sulari bi stil arkitettoniku distintiv.
Ġie rrimarkat ukoll li ż-żieda proposta fl-għoli u d-disinn viżiv ma tarmonizzax mal-kuntest stabbilit u għalhekk ser tkun qed toħloq theddida għall-karatteristiċi viżivi u d-disinn urban definit sew taż-żona.
Għalkemm l-iżvilupp ma jaqax fiż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana, l-UCA ta’ San Ġwann, il-proposta ma kinitx qed toffri l-ebda titjib fil-kwalità taż-żona.
Fl-aħħar ġimgħat, l-Awtorità tal-Ippjanar ċaħdet applikazzjonijiet oħra ta’ żvilupp simili biex tissalvagwardja l-omoġenità tal-istreetscape tat-toroq eżistenti u tevita żvilupp ta’ ħitan vojta.
Dawn l-applikazzjonijiet kienu jinsabu fi Triq Santa Margerita, Tas-Sliema, u Pjazza Patri Redent Gauci, il-Fgura.