Splussivi li nstabu mormija fil-boroż tal-iskart riċiklabbli tal-ġimgħa l-oħra pperikolaw il-ħajja tal-ħaddiema tal-WasteServ u wasslu sabiex jintremew 140 tunnellata ta’ skart riċiklabbli.
Fi stqarrija, WasteServ qalet li kellha ssejjaħ membri tal-Forzi Armati biex jassistuha ħalli jitneħħew b’ mod sigur dawn il-materjali perikolużi.
Bħala miżura ta’ prekawzjoni u fid-dawl tal-periklu li ħoloq dan il-materjal, 140 tunnellata ta’ materjal riċiklabbli ta’ kwalità tajba kellu jitpoġġa fi kwarantina biex mbagħad jintrema fil-miżbla.
WasteServ ikkundannat din l-aġir u appellat lill-pubbliku biex ikun iktar responsabbli.
Intqal sitwazzjonijiet bħal dawn mhux biss ipoġġu l-ħajja tal-impjegati tagħhom f ’riskju iżda huma ta’ theddida serja għall-operat u l-infrastruttura l-ġdida tagħha.
Dan l-inċident seta’ kellu konsegwenzi ferm iktar serji, speċjalment meta wieħed iqis il-preżenza ta’ materjali, bħal karta, plastik, u kartun, li faċilment jieħdu n-nar.