L-inizjattiva ta’ Roberta Metsola meta niżlet f’Iżrael f’nofs il-konflitt fil-Lvant Nofsani spiċċat tefgħet f’baħar ta’ inkwiet lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Dan wara li grupp ta’ Membri Parlamentari Ewropej mill-grupp tal-Ħodor issa mistennija jressqu vot ta’ sfiduċja f’Von der Leyen għall-aġir tagħha u ta’ Metsola fl-aħħar ġimgħat.
Metsola għad għandha mistoqsijiet kbar imdendlin fuq rasha wkoll u għadha tiġi kkritikata bl-aħrax għall-inizjattiva u l-aġir tagħha meta tat biss l-appoġġ lin-naħa Iżraeljana, li bl-attakki tal-qawwiet militari tagħha għadhom qed jinqatlu eluf ta’ persuni ċivili f’Gaza.
Rapporti f’siti awtorevoli, bħal Politico, innotaw kif Metsola qadfet għal rasha u meta żaret Iżrael ma ppreżentatx il-pożizzjoni sħiħa ta’ Unjoni Ewropea magħquda, iżda fittxet biss is-sound bites u r-ritratti għall-kampanja personali tagħha.
Saħansitra l-Awtorità Palestinjana akkużat lil Metsola b’double standards fejn tidħol il-ħajja tal-bniedem.
Is-sentiment kien li, filwaqt li l-attakki tal-Hamas kienu kundannabbli, il-poplu Palestinjan ma kellux jintefa’ fl-istess keffa mal-grupp Hamas kif sar minn Metsola nnifisha f’isem l-istituzzjonijiet Ewropej, kif fil-fatt għamlet, anke jekk ma kellhiex il-barka biex tagħmel dan.
Dan wassal biex issa l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qed tiffaċċja possibbilment vot ta’ sfiduċja fil-Parlament Ewropew.
Dwar l-aġir ta’ Metsola, il-Partit Nazzjonalista baqa’ skomdu, bil-Kap Bernard Grech idur mal-lewża u filwaqt li ma kkritikax l-aġir tad-Deputata tiegħu li ġab l-istmerrija ta’ bosta, qal li l-pożizzjoni li ħadet Metsola kienet opinjoni tagħha.