Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia kkonfermat id-deċiżjoni tal-Uffiċċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni marbuta mad-detenzjoni u t-tkeċċija ta’ Niġerjana li kienet għadha kif skontat sentenza ta’ ħabs marbuta ma importazzjoni ta’ droga.
Fil-Qorti, l-avukat tal-mara George Camilleri sostna li l-mara kellha tingħata ċ-ċans li taħdem ġewwa pajjiżna biex tkun tista’ tħallas il-multa mogħtija fis-sentenza tal-Qorti. Għalhekk huwa sostna li sakemm titħallas din il-multa hija għandha tiġi rilaxxata mid-detenzjoni.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu l-Ispettur tal-Immigrazzjoni Karl Roberts spjega li l-mara ma tistax taħdem b’mod legali f’pajjiżna.
Instema’ wkoll kif waħda mir-raġunijiet tad-detenzjoni huwa li l-persuna taħrab mill-pajjiż jew li ma ssegwix l-ordni ta’ ritorn maħruġa mill-pulizija.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti ma laqgħetx it-talba tan-Niġerjana anki minħabba l-fatt li hija baqgħet m’appellatx id-deċiżjoni tal-Uffiċjal Prinċipali tal-immigrazzjoni u marret il-Qorti b’mod prematur.
Għalhekk il-mara se tibqa’ tinżamm fiċ-ċentru ta’ detenzjoni sakemm tintbagħat lura lejn il-pajjiż li fih tista’ tirrisjedi b’mod legali.