Qed jingħad li l-fruntieri mal-belt Palestinjana ta’ Rafah jistgħu jiftħu llum biex jagħtu aċċess lil diversi Palestinjani li jinsabu midruba biex jieħdu trattament fl-Eġittu.
Il-fruntieri ilhom magħluqa minn meta bdew il-kunflitti fis-sebgħa t’Ottubru.
Intant, is-servizzi ta’ komunikazzjoni kollha f’Gaza, inkluż l-internet, reġgħu jinsabu maqtugħa.
Sadanittant, il-militar ta’ Iżrael ikkonferma li l-jettijiet tiegħu wettqu attakk fiż-żona ta’ Jabalia fin-naħa ta’ fuq ta’ Gaza fl-aħħar sigħat.
Dan l-attakk wassal għal kollass fl-infrastruttura ta’ taħt l-art tal-Hamas.
Iżrael qal li ħdax-il suldat inqatlu fi ġlied fuq l-art f’Gaza. Qal ukoll li għaddej bl-attakki anki mill-ajru f’Gaza, fejn intlaqtu aktar minn ħdax-il elf mira minn meta bdiet din il-gwerra.
Iżrael ilu li beda l-bumbardamenti f’Gaza mis-sebgħa ta’ Ottubru.
Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza jgħid li aktar minn tmint elef u ħames mitt persuna nqatlu minn meta bdew il-kunflitti.