Infrastructure Malta ħabbret dwar l-aħħar dettalji fil-pjan tal-proġett ta’ Triq Sant’Andrija f’Pembroke.
Issa li t-tieni fażi tal-proġett miexja sew, il-Kap Eżekuttiv tal-entità Ivan Falzon, flimkien mal-Perit tal-proġett, spjegaw kif qed jiġi attwat pjan ħalli jitnaqqas l-inkonvenjent kemm jista’ jkun.
Dan fid-dawl li, issa, il-proġett wasal fi stadju fejn qed jinqalgħu t-toroq eżistenti, li huma fost l-aktar użati fl-akkwati u fil-pajjiż.
Qal, “Il-proġett kif għedt tajjeb beda fl-aħħar ta’ Gunju, kien jinvolvi s’issa ħafna xogħol fil-ġnub tat-triq, allura t-traffiku għalkemm ġie impattat, ma kienx hemm dak l-impatt bħal meta tgħalaq it-toroq imma issa ser nibdew bil-formazzjoni tat-triq fejn bħalissa , sa ftit jiem ilu kien jgħaddi t-traffiku, Għalhekk l-appell tagħna huwa li n-nies li jużaw l-akwati speċjalment min ikun qed isuq minn North ta’ Malta lejn is-South filgħodu biex juża rotot alternattivi bħat-telgħa t’Alla u Ommu jew it-triq ta’ Burmarrad”.
F’dan il-proġett mhux biss qed isir bini mill-ġdid tat-toroq eżistenti, iżda qed jittieħdu diversi miżuri biex it-traffiku jkun aktar mexxej.
Falzon spjega kif, għal dan il-għan, se jkunu qed isiru żewġ ‘hairpin turns’, simili għal dik li saret fis-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ biex jiġu indirizzati l-bottle necks eżistenti kif ukoll se jkunu qed jitnaqqsu t-traffic lights eżistenti.
Kompla jgħid ukoll kif, bħala parti minn dan il-proġett, qed jitgħaddew diversi servizzi ġodda, fosthom dawk tal-ilma u cables kif ukoll se ssir l-hekk imsejħa ‘active mobility route’. Din se tkun qed tiffaċilita t-trasport b’mezzi alternattivi f’ambjent ferm aktar sigur.
Din il-fażi tal-proġett hi maħsub li titlesta sa Frar li ġej.