Żewġ żgħażagħ ġew arrestati mill-Pulizija wara li ftit tal-ħin qabel allegatament kienu għadhom kemm serqu vettura.
Il-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda, għall-ħabta tal-ħdax u għoxrin ta’ filgħaxija. Waqt li uffiċjali tal-Pulizija kienu fuq ronda fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, innutaw karozza tal-għamla Volkswagen Polo b’żewġ persuni suspettużi fiha. Għaldaqstant waqqfu l- vettura, fejn irriżulta li x-xufier ma kellux liċenzja tas-sewqan valida.
Minn aktar investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-istess vettura kienet għadha kemm insterqet ftit tal-ħin qabel minn Triq Brighella, il-Ħamrun. Iż-żewġ ġuvintur li kienu fil-vettura ġew arrestati u ttieħdu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana għal aktar stħarriġ.
Intant, illum għall-ħabta tal-ħdax, huma mistennija jitressqu b’arrest il-Qorti quddiem il-Maġistrat Dr Nadine Lia.