Raġel ta’ 28 sena minn Birżebbuġa tilef ħajtu traġikament ilbieraħ filgħaxija wara inċident tat-traffiku ħdejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn karozza misjuqa minn raġel ta’ 24 sena residenti l-Iklin, karozza oħra misjuqa minn raġel ta’ 36 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u mutur misjuq mill-vittma.
Ix-xufier tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, iżda sfortunatament ir-raġel kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello kienet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.