“Baġit li fassalnieh man-nies għan-nies”. Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva l-Baġit għas-sena d-dieħla, mumenti wara li dan ġie mħabbar mill-Ministru Clyde Caruana fil-Parlament.
Biswit l-istess Ministru għall-Finanzi u d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, Robert Abela nnota kif dan il-baġit hu msejjes fuq l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Hu baġit mingħajr ebda taxxi ġodda li jattakka bis-saħħa l-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni, u li jsaħħaħ id-dħul tal-ħaddiema u tal-familji.
Il-Prim Ministru ta eżempji konkreti b’waħda bil-miżuri mħabbra fil-baġit – dik tal-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja, li minnu se jgawdu mal-95,000 familja.
“Koppja pensjonanti fuq pensjoni minima waħda se jieħdu tliet mija u tmenin ewro. Familja b’paga medja waħda, għax wieħed mill-ġenitur ikun qed jieħu ħsieb wild ġdid, ukoll se tieħu tliet mija u tmenin ewro. It-tielet eżempju, koppja li tinsab fuq il-paga minima u li għandhom żewġt itfal se jirċievu seba’ mija u sittin ewro.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li l-messaġġ, li ntbagħat it-Tnejn filgħaxija bil-baġit għas-sena d-dieħla, hu ċar ħafna.
“Fl-aħħar għaxar snin, is-suċċess ekonomiku tal-Gvern kien dovut għall-fatt li inċentivajna lill-poplu Malti u Għawdxi joħroġ jaħdem. Is-suċċess tal-għaxar snin li ġejjin jiddependi fuq dawn in-nies biex mhux biss jibqgħu fis-suq tax-xogħol, imma li jkollhom l-għodda meħtieġa biex itejbu l-ħiliet tagħhom u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ddeskriva dak imħabbar illejla bħala “baġit ġust li se jħallik aħjar għada milli inti llum”.
Chris Fearne nnota kif, minkejja l-baħar imqalleb fl-isfera internazzjonali, il-Gvern ippreżenta baġit proattiv li mhux biss fih miżuri biex il-poplu ma jaqax lura, imma se jara li jkunu jistgħu jibqgħu mexjin ’il quddiem. Fuq kollox, qal li l-Baġit għall-2024, se jara li l-Maltin u l-Għawdxin, jgħixu ħajja aħjar.
Dwar is-settur li hu responsabbli minnu, Chris Fearne nnota kif, għas-sena d-dieħla, se jiġi investit ammont rekord fis-settur tas-saħħa, ta’ kważi biljun u mitt miljun ewro.
Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana fakkar kif, filwaqt li ħaddieħor quddiem ċerti sfidi għabba lin-nies b’piżijiet għoljin, dan il-Gvern ippreżenta baġit soċjali ieħor mingħajr taxxi.
Qal kif dan il-Gvern, sena wara l-oħra, qed jerġa’ jonfoq il-miljuni biex iżomm lil kulħadd fil-wiċċ, b’investiment ta’ kważi 930 miljun ewro f’sussidji biex in-nies ma jpattux għall-isfidi li qed jinħolqu frott sitwazzjonijiet internazzjonali.