Hekk kif ġimgħat ilu tħabbar li se jingħata kumpens ta’ €3 miljun ex gratia lill-vittmi ħajjin li sofrew diżabilità permanenti riżultat tal-mediċina Thalidomide, fil-Baġit għas-sena d-dieħla tħabbar li se jibda l-iscreening ta’ kull applikazzjoni għall-kumpens lill-vittmi.
Il-Ministru għall-Finanzi ħabbar li dawk eliġibbli se jintalbu jidhru quddiem bord mediku biex isirilhom assessment.
Sadanittant, żdiedet ukoll l-assistenza għall-persuni li jkunu fuq programm ta’ rijabilitazzjoni minn vizzji. Din l-assistenza se tiżdied b’€10 għal €50 fil-ġimgħa biex tilħaq kważi d-doppju li kienet fl-2015.
Dan minbarra miżura, li se tagħti l-opportunità lil persuni li jbatu minn xi kundizzjoni mentali, tali li jikkwalifikaw għal pensjoni tal-invalidità jekk l-applikant ikollu mill-inqas 50 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali tul ħajtu.