Malta irritornat bil-kbir fil-Kampjonat Ewropew għall-Apprentisti organizzat b’kollaborazzjoni ma’ L-Unjoni Ewropea tat-Trott. Ir-rebħa tal-ġerrej Malti Jean Claude Pace inkurunat ġurnata mill-isbaħ għall-isport Malti speċjalment dak tat-tiġrijiet taż-żwiemel.
Il-Malta Racing Club huwa onorat illi ġie fdat bl-organizzazzjoni ta’ dan il-kampjonat prestiġjuż, li jofri spazzju fuq livell internazzjonali lill uħud mill-aqwa talenti fost is-sewwieqa apprentisi taż-żwiemel. Wara li Malta diġa` ospitat dan l-avveniment lura fl-1993 u l-1995, l-aħħar parteċipazzjoni ta’ sewwieq Malti f’dan il-kampjonat kienet tmur lura għar-rebħa fis-sena 2000, meta l-ġerrej Għawdxi Tony Cauchi kien rebaħ l-edizzjoni ta’ dik is-sena ġewwa Moska. Għalldaqstant, wara tant ħidma biex il-kunsill tall-Malta Racing Club assikura r-ritorn ta’ Malta f’dan iċ-ċirkwit, ma setax ikun hemm ritorn isbaħ minn dak illi jara s-sewwieq Malti Jean Claude Pace joħroġ rebbieħ propju f’edizzjoni ospitata ġewwa pajjiżna.
It-tlettax-il parteċipant tal-kampjonat saqu 4 tiġrijiet u Jean Claude Pace kellu wirjiet posittivi meta daħal fit-tieni post fl-ewwel tiġrija tiegħu fuq Flash du Condroz, sabiex wara jidħol fir-raba’ post fit-tieni tiġrija fuq id-debuttant Jakino. Dawn il-pjazzamenti mill-ewwel poġġew lil Jean Claude Pace fost il-ġerrejja bl-aktar punti, bil-pożizzjoni tiegħu tiġi konsolidata fil-kmand bi pjazzament ieħor fit-tieni post din id-darba fuq Fakir de Mone, f’tiġrija fejn safa mgħelub b’marġni zgħir mill-avversarju tiegħu. L-aħħar tiġrija iddeċidiet l-klassifika ġenerali finali u għalkemm Jean Claude Pace f’din it-tiġrija daħal it-8 post fuq Epona du Buis, tella` biżżejjed punti sabiex iżomm l-kmand tal-klassifika b’punt, fuq l-eqreb rival tiegħu l-Irlandiż Jonathan Cowden. Il-ġerrej Irlandiż ukoll impressjona fil-posittiv għaliex irnexxielu ukoll jirbaħ żewġ tiġrijiet fuq Imanol de Mongochy u Heros de Claivince filwaqt illi iż-żewġ tiġrijiet l-oħra intrebbħu minn Theo Briand għal Franza fuq Givre Nonantais u Jonas Steiner għall-Awstrija meta saq id-debba Idoline.
Il-Klassifika finali kienet taqra hekk:
Rebbieħ – Jean Claude Pace MALTA – 46 punt
Tieni pjazzat – Jonathan Cowden IRLANDA – 45 punt
Tielet pjazzat – Jonas Steiner AUSTRIA – 43 punt