Minn kmieni waranofsinhar, ONE se jibda jxandar programmi speċjali b’rabta mal-preżentazzjoni llejla fil-Parlament tal-Baġit 2024, bit-tema ‘Malta Ġusta’.
Il-programm popolari ‘Pjazza’, ippreżentat minn Karl Stagno Navarra, illum se jibda aktar kmieni mill-4:00 ta’ waranofsinhar, b’kollegamenti diretti mit-taqsima tal-aħbarijiet mill-Belt Valletta, mill-Palazz tal-President u minn quddiem il-Parlament, bis-sehem ta’ diversi mistiedna u intervisti.
Mis-6:30 tibda x-xandira diretta mill-Kamra tar-Rappreżentanti bit-tħabbira tal-Baġit proprju mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana.
Eżattament malli tintemm ix-xandira mill-Parlament, jiġi ppreżentat il-bulettin tal-aħbarijiet prinċipali, iddominat minn dak li jkun għadu kemm ġie ppreżentat mill-Gvern bil-miżuri ewlenin li jolqtu lill-faxxa wiesa’ tal-poplu Malti u Għawdxi.
Waqt il-bulettin ukoll tixxandar dirett konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.
Sussegwentement programm speċjali ta’ diskussjoni, ippreżentat minn Claudia Cuschieri, jittratta l-Baġit anke b’reazzjonijiet ta’ għadd ta’ mistednin oħrajn biex jiġu konklużi x-xandiriet speċjali tal-lum.