Illejla, il-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela se jippreżenta t-tieni Baġit għal din il-leġiżlatura.
Il-baġit għas-sena d-dieħla se jiġi ppreżentat mill-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, fil-Parlament mis-6.30 ta’ filgħaxija.
Ilbieraħ, il-Prim Ministru qal li b’dan il-Baġit se jkun qed jiġi affermat mill-ġdid it-twemmin tal-Gvern, li jrid jibqa’ jibni Malta ġusta b’deċiżjonijiet li jħarsu u jsaħħu l-middle class, iwieżnu l-ħaddiema u jgħinu lin-negozji jikbru.
Fost oħrajn, ħabbar li l-Gvern se jsaħħaħ il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja, li ġie introdott minn din is-sena, biex minn 50,000 familja issa se jitilgħu għal 95,000 familji li se jgawdu minnu.
Robert Abela qal kif dan sar wara ftehim mal-imsieħba soċjali, u l-pagament se joħroġ għall-ewwel darba f’Diċembru li ġej.
Sadanittant, l-istazzjon ONE se jxandar xandira straordinarja, li se tibda mill-4:00 p.m, permezz ta’ edizzjoni speċjali tal-programm Pjazza, immexxi minn Karl Stagno Navarra.
Wara li tintwera l-wasla tal-Ministru Caruana għand il-President George Vella fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta, għall-ħabta tas-6:30 p.m. ONE jingħaqad mas-sala tal-Parlament minn fejn iwassal id-diskors sħiħ tal-Baġit.
Wara l-bulettin tal-aħbarijiet ta’ filgħaxija fuq ONE, jibda wkoll programm ta’ analiżi u diskussjoni dwar id-diskors u l-miżuri tal-Baġit, immexxi minn Claudia Cuschieri. Waqt dan il-programmi speċjali se ssir ukoll diskussjoni flimkien ma’ numru ta’ mistiedna fl-istudio.
Dan minbarra li ONE News se jkun qed jaġġorna s-sit elettroniku tiegħu – one.com.mt – u l-paġni soċjali tiegħu bl-aħħar aħbarijiet dwar il-Baġit b’mod kontinwu.