Ġew irrestawrati sitt artifatti li jinsabu fit-toroq fil-qalba ta’ Ħal Safi b’investiment ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro; b’fondi mill-aġenzija LESA.
Dawn l-artifatti jikkonsistu f’Salib tad-Dejma li jmur lura għas-seklu 17 kif ukoll ħames statwi u niċeċ; tal-Immakulata Kunċizzjoni, ta’ San Pawl, ta’ San Ġużepp, tad-Duluri u ta’ San Ġwann.
Fi żjara li għamlu l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, intqal li dan ir-restawr seta’ jsir biss bl-għajnuna tal-aġenzija LESA li kulma jmur qed tkompli tinvesti fil-komunitajiet madwar Malta u Għawdex.
Il-Perit inkarigata f’dan il-proġett, Amanda Degiovanni, spjegat li x-xogħol fuq dawn l-artifatti kien vast, minħabba li wrew modi differenti ta’ deterjorazzjoni.
“Kollha wrew modi ta’ diterjorazzjoni differenti u għalhekk kellna nintervjenu b’modi differenti fuq kull wieħed minnhom. Eżempju s-salib tad-dejma minħabba ammont ta’ ħadid li kellu biex teħel il-boċċa ta’ fuq, kien hemm areas li kienu xpakkati għalhekk kellhom jiġu mibdula u partijiet oħrajn inkullati flimkien.”
Il-Ministru Byron Camilleri qal li din l-aġenzija qed tkompli tvarja l-proġetti tagħha, minn dawk ta’ servizz għall-komunità, għal spazji miftuħa u anke restawr ta’ wirt kulturali kif sar f’Ħal Safi.
Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat li permezz tal-ftehim bejn l-aġenzija LESA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-kunsilli lokali qed jibbenefikaw minn fondi addizzjonali li qed jissarrfu fi proġetti li jaqdu l-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti rispettivi tagħhom.