Mhux se tiġi żviluppata ebda marina f’Sally Port.
Ikkonferma dan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali fi stqarrija, li reġa’ sostna kif dak li kien ġie ppreżentat minn Transport Malta tliet snin ilu, jaħseb biss għal riorganizzazzjoni tal-irmiġġi eżistenti fil-Kalkara u m’għandu x’jaqsam xejn mat-tabelli li twaħħlu u li saru biss għall-fini ta’ sigurtà.
Fil-fatt, il-Ministeru kkonferma li m’hemm ebda rabta bejn it-tabelli mwaħħla minn Infrastructure Malta fiż-żona ta’ Sally Port, u dak li ngħad dwar xi marina ġdida, għaliex m’hemmx, u mhux se jkun hemm, ebda pjan f’dan is-sens.
Għalhekk innota kif ma hemm ebda lok għal spekulazzjonijiet.
Fil-Birgu tlestew ix-xogħlijiet li taw ħajja ġdida lill-mollijiet fl-inħawi ta’ Sally Port, bi promenade ġdid li se jkompli jestendi l-passaġġi pedonali max-xtut tal-Kottonera biex jitgawdew mill-pubbliku.
Dawn il-mollijiet, b’tul ta’ madwar sitt grawnds tal-futbol, jinsabu fiż-żona magħrufa bħala Sally Port taħt is-swar tal-Birgu u mal-ġenb tax-xatt tal-Kalkara.
Ħafna partijiet mill-istrutturi tal-mollijiet kienu tfarrku u ġarrbu ħsarat kbar bil-maltemp matul is-snin, tant li wħud minnhom kienu spiċċaw f’riskju li jċedu, b’periklu kbir għall-pubbliku.
Wara li sar dan ix-xogħol, Infrastructure Malta waħħlet ċertu tabelli bit-twissijiet biex jiġu evitati korrimenti.
Fi stqarrija, ingħad li l-aġenzija hija kommessa li tkompli ssaħħaħ l-infrastruttura marittima, bħalma għamlet fl-aħħar snin.
It-tisbiħ ta’ dawn il-mollijiet sar b’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.