“Jiena ma ġejtx biex nitkellem hawn bħala Prim Ministru ta’ stat membru li bħalissa għandu fi tmum tiegħu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, iżda bħala Ewropew li xbajt nara l-Unjoni Ewropea ddur ċirku tond mal-isfidi, jeħtieġ li niddiskuta l-futur tal-Unjoni Ewropea.” Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat fl-indirizz tiegħu fi Brussell, f’diskussjoni dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea Ideas Lab: Reconstructing the Union organizzata minn CEPS (Centre for European Policy Studies).
Il-Prim Ministru tkellem dwar ħames punti ewlenin, bl-ewwel fil-lista kienet is-sistema fiskali u s-sistema monetarja, li fi kliem il-Prim Ministru l-ewro xorta waħda rnexxielha ssalva mill-kriżi finanzjarja minkejja li s-sistema fiskali u monetarja tal-Unjoni Ewropea mhix waħda kompluta. Huwa appella biex ir-regolaturi Ewropej jkunu aktar innovattivi u jintroduċu mekkaniżmi ġodda li mhux biss jissalvagwardjaw il-konsumaturi iżda jagħmlu l-Ewropa l-għażla naturali għall-innovaturi.
Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Malti tkellem dwar iċ-ċittadinanza b’investiment u stqarr li minkejja li hija waħda kontroversjali kapaċi tkun waħda mill-aktar għodod importanti u innovativi għall-istati membri.
“Fi żmien li għandna daqstant talent, imħuħ intelliġenti li qed ifittxu dar ġdida, iċ-ċittadinanza hija għodda attreanti li tista’ tagħmel l-Ewropea aktar kompetitiva fid-dinja globali,” spjega l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru Malti fi Brussell tkellem favur Unjoni Ewropea aktar soċjali li mhux biss tippromwovi l-ugwaljanza iżda anke l-mobiltá soċjali. “Huwa ċar li fuq dan il-punt għandna qbil iżda mhux qbil unanimu favur dan il-proġett soċjali, jeħtieġ li dwar dan ikollna koalizzjoni ta’ dawk il-pajjiżi li jixtiequ u jridu li jmexxu l’quddiem din l-aġenda,” komplja jżied il-Prim Ministru.
Dwar BREXIT, il-Prim Ministru qal li ma setax ma jkollux sehem fid-diskors fi Brussell. Il-Prim Minstru spjega kif il-miżata li r-Renju Unit se jkollu jħallas mal-ħruġ mill-Unjoni Ewropea hija diskussjoni qalila. Qal li għaldaqstant għandu jkun hemm qbil politiku għal fond Ewropew ġdid li se jinvesti fil-komunitajiet l-iktar mbiegħda mill-Ewropa.”Programm li jiġġieled uħud mid-differenzi soċjali u reġjonali li jwasslu għal deċiżjonijiet bħal Brexit,” spjega il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu b’referenza għar-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea u t-Turkija, u qal li l-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mat-Turkija. Hawnhekk, għamel referenza għaż-żjara tal-Prim Ministru Tork f’pajjiżna u stqarr li jeħtieġ li d-differenzi bejn l-Unjoni u dan il-pajjiż għandhom jiġu indirizzati biex it-Turkija tkun tista tidħol fl-Unjoni Ewropea b’negozjati biex it-Turkija tkun tista tissieħeb mal-Unjoni Ewropea ladarba tissodisfa l-kriterji.