Il-Gvern se jsaħħaħ il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja, biex minn ħamsin elf familja, issa se jitilgħu għax ħamsa u disgħin elf il-familji li se jgawdu minnu.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività Politika f’Ħaż-Żabbar, lejlet il-jum li fih se jinqara l-baġit għas-sena d-dieħla, fejn afferma mill-ġdid it-twemmin tal-Gvern, li jrid jibqa’ jibni Malta Ġusta b’deċiżjonijiet li jħarsu u jsaħħu l-middle class, iwieżnu l-ħaddiema, u jgħinu lin-negozji jikbru.
Dwar il-mekkaniżmu li jitħallas b’żieda mal-COLA u li daħal għall-ewwel darba fil-baġit tas-sena l-oħra, il-Prim Ministru spjega kif dan iħallsu u se jħallsu kollu kemm hu l-Gvern mingħajr ebda piż fuq ħadd u minnu jgawdu l-familji li jifilħu l-anqas.
“Għotja li tħallset lil dawk il-familji li jistgħu l-anqas fis-soċjetà tagħna, għax dawn huma t-tip ta’ inizjattivi li jgħaqqduna mal-prinċipji soċjalisti tagħna u li obbligati mill-prinċipju li nħarsu lil dawk l-aktar batuti fis-soċjetà tagħna. Imma kienet għotja li għamlet differenza qawwija lil dawk li rċevewha. Għandna eluf ta’ familji u l-maġġoranza tal-pensjonanti li se jibbenefikaw minn din l-għotja u qed nitkellmu dwar għotja li tvarja bejn mitt ewro sa elf u ħames mitt ewro.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Robert Abela qal kif dan sar wara ftehim mal-imsieħba soċjali, u l-pagament se joħroġ għall-ewwel darba f’Diċembru li ġej.
“Is-sostenn li se nkunu qed nagħtu b’din il-miżura huwa daqs is-sostenn li nagħtu benefiċċju daqstant importanti tal-inwork benefit. Minbarra dan ukoll tajna direzzjoni lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex l-ewwel pagament jagħmlu f’Diċembru li ġej. U nżid oħra – mhux se jkun taxxabbli.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela żied jgħid kif il-baġit għas-sena d-dieħla se jkun wieħed li jibqa’ jgħin lin-nies mexjin ’il quddiem.
Tenna kif dan huwa Gvern li fadallu ħafna x’jagħmel għal pajjiżna u għalhekk mhux se jieqaf jieħu d-deċiżjonijiet li bihom jgħin lin-nies.
“Ejja ħa nżommu prinċipji ewlenin u komuni, l-ewwel li kull sfida li jkollna quddiemna ejja naħdmu bis-saħħa biex inbiddluha f’opportunità, billi kull fejn fil-passat stajna ħdimna aħjar ejja ħalli naħdmu aħjar. It-tieni ejja nibqgħu kuraġġużi u ma naqtgħu qalbna qatt. Għamilna wisq u wisq ġid biddilna għall-aħjar u fil-pożittiv il-ħajja ta’ wisq nies. Ejja dak ma ninsewh qatt.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru saħaq kif il-Baġit 2024 għandu l-għan li jibqa’ jgħin lill-familji u lin-negozji quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja, fosthom bl-investiment qawwi biex ma jogħlewx il-prezzijiet tal-enerġija.
Sadanittant, l-għada li ġie ffirmat ftehim storiku li se jwassal għal żieda fil-paga minima, il-Prim Ministru nnota kif Gvernijiet Nazzjonalisti lanqas biss kienu joħolmu li jgħolluha, aħseb u ara li jwettquha.
“Ta’ qabilna, għal kull sena li damu jmexxu dan il-pajjiż żammew il-paga minima nazzjonali fil-friża f’kull sena li mexxew. Aħna għal kull sena ta’ din il-leġiżlatura se nkunu qed iniżidu sena wara l-oħra, wara l-oħra, il-paga minima nazzjonali.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu b’messaġġ ta’ serħan il-moħħ lil kulħadd, li dan il-Gvern se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa u jkun ġust ma’ kulħadd.
“Għaliex dak tagħna huwa l-moviment li huwa ġust man-negozji, ġust mal-familji, ġust mal-pensjonanti, ġust mal-istudenti, ġust mal-ħaddiema kollha ta’ dan il-pajjiż. Ejja ħalli nibqgħu nsaħħu Malta tagħna biex jibqa’ jkollna Malta ġusta għal kulħadd.”
Il-Prim Ministru Robert Abela