L-Afrika t’Isfel rebħu t-Tazza tad-Dinja tar-Rugby meta fil-finali li ntlagħbet is-sibt filgħaxija fi Franza, huma għelbu lil New Zealand bl-iskor ta’ 12-11. Kif jixhed ir-riżultat kienet finali kumbattuta u bilanċjata, bit-team mill-Afrika t’Isfel jiddomina fl-ewwel taqsima, filwaqt li New Zealand tefgħu kollox fuq l-attakk fit-tieni taqsima.
Determinanti kienet it-tkeċċija fl-ewwel taqsima tal-captain ta’ New Zealand Sam Cane li effetwat l-andament tal-logħba għal All Blacks. L-Afrika t’Isfel approfittaw minn dan u daħlu jistrieħu 12-6 minn fuq.
Fit-tieni taqsima New Zealand ippruvaw idawwru r-riżultat, u kien għoddom għamlu dan hekk kif fl-aħħar parti tal-logħba għamlu try li rathom jitilgħu għal punt biss taħt l-avversarji. Try li pero waslet tard, biex kienu l-Afrika t’Isfel li hadu r-rebħa.
B’din ir-rebħa l-Afrika t’Isfel iddefendew it-titlu li kienu rebħu fl-edizzjoni ta’ qabel u saru l-ewwel team li qatt rebaħ dan l-unur għal erba’ darbiet.
(Ritratti: Getty Images)
Il-captain ta’ New Zealand Sam Cane jitkeċċa fis-27 minuta