Matthew Perry, jew kif jafuh ħafna, Chandler Bing, l-attur popolari l-aktar għall-parti tiegħu fis-serje televiża ‘Friends’, ħalla din id-dinja fl-eta ta’ erbgħa u ħamsin sena.
Huwa nstab mejjet is-Sibt waranofisinhar fir-residenza tiegħu f’Los Angeles wara li qed jingħad li għereq fil-jacuzzi.
Bil-karattru tiegħu fis-serje Amerikana tas-snin disgħin, Matthew Perry għaqqad miljuni ta’ nies bl-umoriżmu u ċ-ċajt sarkastiku li kien jgħaddi.
Fil-fatt, ‘Friends’, ibbażat fi New York, ra l-istorja ta’ relazzjoni bejn sitt iħbieb mill-1994 sal-2004. Perry ħadem mal-atturi Jennifer Aniston, Courteney Cox, Matt LeBlanc, Lisa Kudrow u David Schwimmer.
L-aħħar episodju ta’ dan is-serje ġie segwit minn iktar minn tnejn u ħamsin miljun ruħ fl-Istati Uniti u jibqa’ l-iktar episodju televiżiv segwit fl-istorja tas-snin 2000.
Dan is-serje rebaħ diversi premji fosthom 62 nominazzjoni għall-Primetime Emmy Award b’sitt rebħiet u 10 nominazzjonijiet għall-Golden Globe Award b’rebħa waħda.
Warner Bros TV, il-kumpanija li pproduċiet ‘Friends’ qalet li tinsab imnikkta b’din l-aħbar u Matthew kien parti kbira mill-familja tagħhom.
F’diversi intervisti li għamel tul is-snin, Perry tkellem diversi drabi dwar il-ġlieda kontra l-vizzji tad-droga u l-alkoħol, li affettwawlu ħafna l-karriera tiegħu.
Fl-2016, waqt intervista ma’ BBC Radio 2 spjega li ma jistax jiftakar tliet snin mill-ġbid ta’ ‘Friends’ minħabba din il-problema. Fil-fatt huwa tenna li qatt ma ra s-serje li ħadem fih hu stess għax ma riedx jara kif inbidel matul dawk l-għaxar snin.
Ftit żmien ilu Perry kiteb ukoll ktieb fejn tkellem dwar it-tbatijiet u l-isfidi li għadda minnhom tul ħajtu minn meta kien għadu tifel ċkejken.
Perry kien magħruf ukoll għall-irwol tiegħu f’diversi films oħra, fosthom Fools Rush In, Almost Heroes u The Whole Nine Yards.