Tessie Camilleri hija wiċċ familjari mal-Bormliżi, għall-attiviżmu tagħha fil-lokal u għall-karattru ferrieħi tagħha. Iżda disa’ snin ilu, Tessie ħadet l-aħbar li kellha kanċer f’sidirha.
Kollox beda meta fl-elfejn u erbatax, ħasset boċċa f’sidirha u marret tagħmel mammogram.
Wara li kkumbattiet ma’ din il-marda, inqas minn erba’ snin wara, reġa’ tfaċċalha l-kanċer, tant li kellha tneħħi sidirha.
F’intervista ma’ ONE News, qalet li minkejja l-karattru pożittiv tagħha, bkiet meta saret taf li se jaqagħlha xagħarha.
“Jien qatt ma bkejt, id-darbtejn li sirt naf li għandi kanċer, imma dakinhar li niftakar, meta qaluli li ħa jaqagħli xagħri, hemmhekk bkejt. Bdejt ngħid minjaf kif ħa nkun, minjaf kif ħa nidher. Imma mbagħad għamilt nofstanhar qisni mdejqa u nibki, għidt mhux aħjar bla xagħar milli ma nibqax hawn.”
Tessie Camilleri – fieqet mill-kanċer
Tkellmet dwar l-għajnuna sfieqa mill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, li saħansitra tawha parrokka magħmula mix-xagħar naturali. Liema parrokka setgħet anke teħodha għand stilista tax-xagħar biex tagħmilha bl-istil li riedet hi.
“Huma jgħidulek inti mur għall-operazzjoni u l-affarijiet l-oħrajn ħalli f’idejna.”
Tessie Camilleri – fieqet mill-kanċer
Evidenti ħafna, il-fidi u l-kuraġġ ta’ Tessie, li minkejja dak kollu li għaddiet minnu, xorta baqgħet pożittiva.
“Id-darbtejn, lanqas nibki, għax ngħidlu Mulej, tkun magħmula l-volontà tiegħek. Jien qiegħda hawnhekk bħal ħaddieħor, u nitlob l-għajnuna tiegħek biex tmexxini.”
Tessie Camilleri – fieqet mill-kanċer
L-appell tagħha kien wieħed. Biex kulħadd jagħmel it-testijiet fuq bażi regolari.
“Dejjem irridu niċċekjaw, dejjem ngħidilhom morru għat-testijiet. Għax il-ħajja veru sabiħa.”
Tessie Camilleri – fieqet mill-kanċer
Dawk qrib Tessie, jafuha bħala persuna li tħobb tiddeverti. Minkejja dak kollu li kienet qed tiffaċċja, xorta riedet tibqa’ tagħmel l-affarijiet li tant tħobb, fosthom tiddeverti fil-marċ tal-Kunċizzjoni.
Tessie tirrakkonta kif skopriet li kellha din il-marda, ftit jiem wara li waslet minn btala f’Lourdes fi Franza, u b’hekk għamlet wegħda li jekk tfieq, tmur iżżur dan il-post kull sena.
“Qaluli fis-7 ta’ Diċembru, u dakinhar flok mort il-quddies tal-festa, bħas-soltu, mort Sir Anthony Mamo, għal-laqgħa biex iħejjuni għall-operazzjoni, u hekk, imbagħad għidt illum il-festa. Imbagħad għollejt subgħajja, għidtilha llum għandna l-festa, ħa nibqa’ sejra l-marċ, nista’ nieħu drink tal-marċ?”
Tessie Camilleri – fieqet mill-kanċer
Minkejja dan kollu, Tessie mhux biss baqgħet pożittiva, iżda anki ppruvat tferraħ lil dawk ta’ madwarha.
“Daqs kemm qbiżt dakinhar, ma qbiżt qatt, biex nagħmillhom il-kuraġġ lil ħuti, min jarani, daqqa bid-dmugħ f’għajnejh, u jien li għandu jsir isir, bdejt nagħmillhom.”
Tessie Camilleri – fieqet mill-kanċer