Ġiet installata magna ġdida tal-X-Ray fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, li bħalissa għaddej minn proġett estensiv ta’ rinnovar bil-għan li jaqdi l-bżonnijiet moderni tal-pazjenti fid-dinja tal-lum.
Din il-magna se tagħmilha possibbli biex it-tobba tal-kura primarja jkunu jistgħu jikkonsultaw mal-ispeċjalisti tal-isptar ċentrali biex jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa fl-aqwa interess tal-pazjenti.
Il-magna diġitali li ġiet installata tipprovdi riżultati malajr, kwalità aktar ċara tal-istampa, u inqas radjazzjoni, fost diversi aspetti diġitali oħra li jagħmlu l-esperjenza tal-pazjent aktar effiċjenti.
Fi żjara li għamel fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi fejn għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet biex isir it-tibdil li hemm bżonn, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne spjega li aktar ma jiżdiedu s-servizzi fil-komunità, aktar is-servizz tas-saħħa jsir aċċessibbli għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
“Bħala parti mit-tiġdid taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, din il-ġimgħa, installajna magna ġdida tal-X-Ray, diġitali, li ħa tippermetti li t-tobba miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, immedjatament ikunu jistgħu jieħdu parir mill-ispeċjalisti tagħna minn Mater Dei u eventwalment ġewwa ċ-Ċentru ta’ Ċensu Moran ta’ Raħal Ġdid, biex il-pazjenti tagħna jinqdew aħjar.”
Chris Fearne – Deputat Prim Ministru
Minbarra ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, is-servizzi tal-X-Ray bħala parti mill-Kura tas-Saħħa Primarja jinsabu wkoll fiċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, ta’ Raħal Ġdid, tal-Furjana, u tal-Gżira.
“Dan huwa proġett ieħor li ħa jkompli jġib is-servizz tas-saħħa eqreb iċ-ċittadini u allura jkun qiegħed jagħti dejjem servizz tas-saħħa aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Chris Fearne – Deputat Prim Ministru