Tul dan il-lejl, it-Tramuntana tal-belt ta’ Gaza kienet mixgħula b’kull tip ta’ bombi, f’attakk qalil, li ġie deskritt bħala l-eħrex wieħed minn meta bdew dawn l-attakki.
Fuq is-sit internazzjonali BBC, ġie rrapurtat li x-xufiera tal-Ambulanzi ma setawx jikkomunikaw, u b’hekk bdew isuqu ‘l fejn jaraw l-isplużjonijiet.
Dan anke fid-dawl li l-kommunikazzjoni permezz tal-mowbajl mhix possibli.
Madwar mitt ajruplan militari intuża mill-militar Iżraeljan f’dan l-attakk fuq Gaza, skont il-Brigadier Ġenerali tal-Operazzjonijiet tal-Forzi tal-Ajru, Gilaid Keinan.
Permezz ta’ messaġġ fuq il-pjattaforma X, huwa qal li t-tir huwa ċar, li jeqirdu dak kollu li jmissu l-Hamas.
Kelliem għall-militar Iżraeljan qal li nqatel ir-raġel li allegatament kien responsabbli għall-ewwel attakki li seħħew nhar is-7 t’Ottubru, permezz tal-Paragliders, kif ukoll għal diversi attakki bid-drones.