Il-Gvern u l-imsieħba soċjali ffirmaw ftehim storiku li għat-tieni darba taħt Gvern Laburista, se jwassal għal żieda fil-Paga Minima Nazzjonali.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, li għadda messaġġ ċar li pajjizna se jibqa’ miexi ’l quddiem.
“Il-messaġġ li għandi dalgħodu huwa wieħed li nqisu ċar ħafna. Pajjiżna se jibqa’ miexi ’l quddiem kemm ekonomikament u anki soċjalment. Konna, għadna u se nibqgħu Gvern li jappoġġja n-negozji u l-ħaddiema.”
Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela sostna li dan il-ftehim juri l-għeruq sodi soċjalisti li għandu l-Gvern immexxi minnu.
“Fil-manifest elettorali li kien iġib l-isem ‘Malta Flimkien’, jiena kont tajt kelma hemmhekk, flimkien mal-partit immexxi minni, li ridna nżidu l-paga minima. Konxji konna dakinhar li ridna ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħaddiema tagħna, fosthom naturalment id-dħul tagħhom.”
Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tenna li fil-baġit għas-sena d-dieħla, li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn, il-Gvern se jgħin lil dawk li jifilħu l-inqas.
F’dan il-kuntest, Dr Abela sostna li dan il-ftehim qed jindirizza r-realtajiet u l-isfidi tal-preżent, waqt li jħares lejn il-ġejjieni.
“Li l-fażi li jmiss hija dik li trid tarana nitħadtu fuq dik li ngħollu l-kwalità f’Malta. Il-bżonn li ngħollu l-livell f’dak kollu li qegħdin niddiskutu.”
Prim Ministru Robert Abela
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul tenna li dan huwa mument storiku u xhieda ta’ kemm id-djalogu soċjali huwa attiv.
“Issa nħares ’il quddiem biex fil-jiem u fil-ġimgħat li ġejjin inkomplu naħdmu bis-sħiħ, anki permezz ta’ policies u introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni biex inkomplu ntejbu l-ħajja tal-ħaddiema. Li toffri kwalità ta’ ħajja għolja għaċ-ċittadini, mhux xi ħaġa li tagħmilha darba u tieqaf hemm.”
Segretarju Parlamentari Andy Ellul
Iċ-Chairperson tal-MCESD il-Perit David Xuereb qal li jinsab sodisfatt minħabba li l-ftehim juri s-saħħa tad-djalogu soċjali, u huwa ta’ unur li dwaru kien hemm qbil unanimu.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm membri tal-MCESD, u membri tal-Low Wage Commission.