Bejn Ottubru u Frar ta’ kull sena hu magħruf bħala ż-żmien tal-qtigħ taż-żebbuġ. Żewġ ġonna, wieħed f’Ħaż-Żabbar u l-ieħor fil-Mosta attwalment jinsabu mimlijin biż-żebbuġ lest biex jinħasad.
L-entità governattiva Project Green ingħaqdet mal-Liċeo tal-Ħamrun u d-Depiro Sports Club biex ingħatat l-opportunità lil għexieren ta’ tfal li rħewlha għal attività edukattiva ambjentali lil hinn mill-bankijiet tal-iskola.
Iż-żgħażagħ, akkumpanjati mill-edukaturi tagħhom, irħewlha lejn Ġnien Calvagna fil-Mosta u Ġnien San Klement f’Ħaż-Żabbar għal sigħat ta’ qtugħ taż-żebbuġ, l-ewwel pass mill-proċess li se jkomplu jsegwu sakemm dan jiġi magħsur u anke lest għall-użu bħala prodott tal-ikel.
Waqt l-inizjattiva edukattiva fiż-żewġ ġonna, li għadhom kemm issebbħu u mgħammrin minn Project Green, il-Kap Eżekuttiv Steve Ellul qal kif “il-missjoni tagħna mhijiex biss dik li noħolqu spazji miftuħa, iżda wkoll li nrawmu kuxjenza dwar u mħabba għan-natura u l-prattiki sostenibbli fil-ħajja. Dawn l-attivitajiet tal-ġbir taż-żebbuġ huma eżempju perfett ta’ dan. It-tfal u ż-żgħażagħ qed jieħdu wkoll lezzjonijiet siewja dwar l-agrikoltura”.
Min-naħa tagħhom, l-Assistenti Kapijiet tal-Liċeo tal-Ħamrun, Antoine Psaila u Alexia Camilleri Nappa, semmew l-entużjażmu li wrew l-istudenti waqt attività li ġabithom eqreb tan-natura.
Spjegaw kemm attivitajiet bħal dawn inisslu diversi ħiliet u valuri fit-tfal, inkluż li jaħdmu f’tim, jirrispettaw lil xulxin, u ovvjament japprezzaw il-proċess tal-ikel, mis-siġar sal-platt, u n-natura ta’ madwarhom.
Fil-fatt, l-għada li ġabru ż-żebbuġ, it-tfal tal-Liċeo tal-Ħamrun setgħu jsegwu mill-qrib il-proċess tat-tagħsir u wara wkoll ingħaqdu fil-kċina tal-iskola stess biex iħawru ħobż bit-tadam u ż-żejt mill-istess żebbuġ li qatgħu huma.
Minbarra li, flimkien mal-bqija tal-istudenti u l-għalliema tagħhom, gawdew mit-tjubija tal-prodott tagħhom stess, kisbu aktar għarfien tal-proċessi kollha meħtieġa biex il-frott ta’ ħidmiethom seta’ jiġi prodott naturali.
Sadanittant l-għassara, fejn ittieħed dan iż-żebbuġ, spjegawlhom preċiżament x’jinvolvi dan il-proċess mifrux, mill-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ sal-prodott finali.