Diversi reċipjenti l-ġmiel tagħhom tal-maiolica u tal-porċellana, li kienu jintużaw kemm bħala tiżjin kif ukoll biex jisserva l-ikel waqt pranzijiet formali f’Malta ta’ żmien il-Kavallieri, jinsabu għall-wiri fis-Sala Romegas fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija sal-aħħar ta’ Diċembru.
Il-wirja tagħti ħarsa fil-fond lejn kif l-ikel, l-arti u l-politika kienu jitħalltu fir-ritwali tal-pranzu Barokk, jiġifieri l-ikliet formali li kienu jsiru f’Malta bejn is-seklu 16 u s-seklu 18. Matul dak il-perjodu, taħt il-ħakma tal-Ordni ta’ San Ġwann, Malta adottat bosta aspetti tal-kultura Ewropea tal-pranzijiet, l-aktar mill-Italja Rinaxximentali u minn Franza tal-perjodu Rococo.
Wieħed minn dawn l-aspetti kien il-Convito, pranzu formali li kien jipprovdi sfond teatrali għad-diskussjonijiet u l-intriċċi politiċi. Fil-fatt tista’ tgħid li l-Convito kien biċċa xogħol ta’ teatru soċjali fejn ir-reċipjenti fuq l-imwejjed kienu props importanti daqs l-ikel stess.
L-oġġetti kollha esebiti f’din il-wirja nstabu waqt investigazzjonijiet arkeoloġiċi f’Malta, jew kienu kkonservati f’kollezzjonijiet ta’ mużewijiet lokali. Ħafna mill-artefatti qed jiġu esebiti pubblikament għall-ewwel darba. L-esebiti jinkludu żewġ platti ta’ tmiem ir-Rinaxximent li kienu parti mill-credenza famuża tal-Kardinal Farnese, oġġett tal-porċellana Ming – eżempju bikri ta’ importazzjoni Ċiniża lejn Malta, platti araldiċi min-Nofsinhar tal-Italja, u għażla wiesgħa ta’ fajjenza Franċiża u Taljana li tinkludi eżempji fl-istil Moustier tar-Rococo.
Il-wirja, bl-isem Fare Convito: The Archaeology of Banqueting in Hospitaller Malta (16th to 18th century), tnediet mill-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit. Huwa ddawwar mal-wirja minn Sharon Sultana, Senior Manager għall-Arkeoloġija u l-Istorja Naturali, u Nathaniel Cutajar, Kuratur Prinċipali għall-Arkeoloġija Medjevali.
Is-Sur Zammit faħħar lit-tim li tella’ din il-wirja, talli ppreżenta s-suġġett tal-arkeoloġija storika b’mod innovattiv u multidixxiplinarju, fejn jitħalltu flimkien elementi ta’ arkeoloġija, storja, storja tal-arti, u antropoloġija. Huwa radd ħajr ukoll lil-Librerija Nazzjonali u lill-Kapitlu Metropolitan għall-kollaborazzjoni tagħhom mal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Palazz tal-Inkwiżitur, MUŻA, il-Palazz tal-Gran Mastru u l-mużewijiet ta’ Għawdex, biex din il-wirja setgħet issir realtà.
Id-dħul għall-wirja fil-Mużew tal-Arkeoloġija huwa bla ħlas. Il-wirja se timxi għall-Palazz tal-Inkwiżitur f’Jannar u tibqa’ għaddejja sa Marzu 2024. Se jkun hemm ktejjeb dwar il-wirja għall-bejgħ miż-żewġ siti.