L-RSM Malta iktar magħrufa għal awditjar, taxxa, u konsulenza, niedet avveniment li beda fl-uffiċini ta’ RSM Malta f’Ħaż-Żebbuġ, bil-għan li tesprimi d-dedikazzjoni tal-kumpanija f’dak li hu r-responsabbiltà soċjali tal-intrapriża (RSI) fejn tat il-kontribuzzjoni tagħha fejn jidħol tibdil pożittiv u żvilupp soċjali lil tmien għaqdiet mhux governativi (NGOs).
Matul l-avveniment aktar minn 170 ħaddiem ta’ RSM Malta pparteċipaw f’diversi azzjonijiet li jikkontribwixxu għal diversi setturi fis-soċjetà, inkluż it-tħaris tal-annimali u s-saħħa u l-benessri tal-bniedem. L-avveniment serva bħala opportunità unika għall-impjegati tal-kumpanija sabiex jifhmu x-xogħol importanti li jagħmlu fil-komunità diversi persuni, permezz ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.
Fi tmiem l-avveniment, Diversi membri tal-istaff esprimew l-entużjażmu tagħhom, “din l-esperjenza kienet waħda verament pożittiva għalina.” Oħrajn spjegaw, “din il-ġurnata nibtet fina sens kbir ta’ sodisfazzjon li nagħmlu parti minn RSM Malta hekk kif għinitna ngħixu l-ħames valuri prinċipali li topera bihom il-kumpanija. Ninsabu ħerqana sabiex nerġgħu nipparteċipaw f’inizjattivi oħrajn simili għal dan.”
It-tim ġie assenjat biex jagħmel xogħol varju sabiex jagħti s-sapport tiegħu lil dawn l-għaqdiet. Fost l-għajnuniet, kien hemm min għen fit-tindif taż-żoni tal-logħob tal-klieb, min ħa ħsieb xogħol ta’ manutenzjoni, min għen fil-kċina u fit-tisjir, min ħasel il-karozzi, u min għen fit-tħawwil tas-siġar u t-tindif ta’ postijiet varji f’Pembroke, l-Imsida Bastion u Wied Qirda.
L-NGOs li ngħataw is-sapport waqt dan l-avveniment huma l-Assoċjazzjoni għal Annimali Abbandunati (AAA), Coast is Clear, Dar Merħba Bik, Dar tal-Providenza, Din l-Art Ħelwa, Kunsill Lokali Ħaż-Żebbuġ, Richmond Foundation u Ronald McDonald House Charities, li kollha aċċettaw is-sapport ta’ RSM Malta waqt din il-ġurnata.
Dan il-jum huwa inizjattiva li tantiċipa l-avveniment annwali RSM World Day li din is-sena huwa skedat għas-7 ta’ Diċembru. L-uffiċini ta’ RSM madwar id-dinja qed jingħaqdu f’inizjattivi varji sabiex jagħmlu impatt fuq il-komunità globali.