Tletin sena ilu, bħal-lum, ġriet l-aħbar li t-Tabib Bertu Hyzler kien ħalla din id-dinja fl-għomor ta’ 76 sena.
Hu kien ħareġ għall-Elezzjonijiet Ġenerali tal-1947 mal-partit ta’ missieru, id-Democratic Action Party, id-DAP, li kien xolja tliet snin biss wara, fl-1950.
Dr Hyzler kien reġa’ ħareġ għall-Elezzjoni Ġenerali tal-1951 mal-Malta Workers’ Party, li kien immexxi mit-Tabib Pawlu Boffa, li saħansitra kien għamel koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista.
Hu kien ġie maħtur bħala Ministru għas-Saħħa, imma wara tliet snin irriżenja mill-kariga, għax kien ivvota kontra l-Kap tal-partit tiegħu stess u oppożizzjoni kontinwa kontra l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dr George Borg Olivier.
Tliet snin wara, f’Ottubru tal-1953, Bertu Hyzler ingħaqad mal-Partit Laburista taħt it-tmexxija tal-Perit Duminku Mintoff.
Xahar wara, f’Novembru, kien tkellem fiż-Żurrieq għall-ewwel darba f’isem il-Partit Laburista u sentejn wara ħareġ mal-istess Partit fejn Mintoff fdalu l-kariga ta’ Ministru għas-Saħħa u s-Servizzi Soċjali sa April tal-1958.
Bertu Hyzler ikkontesta wkoll għall-Elezzjoni Ġenerali tal-1962, tal-1966 u dik tal-1971, meta l-Partit Laburista reġa’ ħa t-tmexxija tal-pajjiż u l-Prim Ministru Duminku Mintoff reġa’ ħatru bħala Ministru. Din id-darba bid-dekasteru tal-iżvilupp u l-posta. Fl-1974, it-Tabib Hyzler reġa’ ġie maħtur bħala Ministru għas-Saħħa sal-1976.
F’nofs is-snin ħamsin, meta ngħaqad mal-Partit Laburista, hu kien beda jikteb b’mod regolari f’Is-Sebħ, il-gazzetta tal-Partit Laburista.
Minkejja li fl-20 ta’ Settembru 1976, it-Tabib Hyzler iddeċieda li jirtira mill-politika u ma jibqax membru tal-Kamra tad-Deputati, hu ta s-servizzi tiegħu lill-pajjiż bħala Aġent President tar-Repubblika.
Hawnhekk hu għamel tliet xhur, bejn Diċembru tal-1981 u Frar tal-1982, u dan bejn it-tmiem tat-terminu tal-President Anton Buttigieg u sakemm inħatret fil-kariga Agatha Barbara, l-ewwel President mara.