Il-Malta Racing Club kompla bil-preparattivi tiegħu sabiex jospita l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kampjonat Ewropew għal sewwieqa apprentisti organizzat b’kollaborazzjoni ma’ l-Unjoni Ewropea tat-Trott. Dan il-kampjonat prestiġjuż, li jofri spazju fuq livell internazzjonali lil uħud mill-aqwa talenti fost is-sewwieqa apprentisi taż-żwiemel, qiegħed jirritona ġewwa pajjiżna wara 28 sena.
Malta diġa ospitat dan l-avveniment lura fl-1993 u l-1995, u rnexxielha ukoll tirbħu fis-sena 2000, meta l-ġerrej għawdxi Tony Cauchi kien rebaħ l-edizzjoni ta’ dik is-sena ġewwa Moska.
Din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewopew għall-Apprentisti ser tara 13-il parteċipant. Dawn huma Jonas Steiner għal l-Awstrija – Floris Vandenabeele għall-Belgju – Mads Henriksen jirraprezenta lid-Danimarka – Sakari Talikka għall-Finlandja – Théo Briand jirraprezenta lill-Franza – Lisa-Sophie Zimmer għall-Ġermanja – Péter Erdei għall-Ungerija – Jonathan Cowden għall-Irlanda – Jim Veldman għall-Olanda – Maylen Lode għan-Norveġja – Jeroni Fuster Andreu jirraprezenta lill-Spanja – Malte Handfast għall-Isvezja, u ir-rapprezenant Malti Jean Claude Pace.
awn is-sewwieqa se jieħdu sehem f’erba’4 tiġrijiet fuq id-distanza ta’ 2140m nhar il-Ħadd 29 ta’ Ottubru ġewwa l-Malta Equidrome, bl-ewwel tiġrija tal-programm tibda fis-siegħa ta’ wara nofsinhar.
Propjetarji ta’ żwiemel maltin offrew 52 żiemel li se jieħdu sehem f’dan il-kampjonat, li jara l-erba’ tiġrijiet tiegħu fi ħdanu jġorru premijiet denji ta’ kampjonat ta’ dan il-prestiġju. Nhar it-tlieta, il-Malta Racing Club tella’ l-polza għaż-żwiemel parteċipanti sabiex assenja n-numri tat-tluq. Wara ipproċeda sabiex f’xandira diretta fuq il-mezzi soċjali tiegħu fil-preżenza tas-Sur Paul Gafa, membru tall-Kunsill tal-Malta Racing Club u is-Sur Josef Grixti, Licencing & Compliance Manager ta’ EquesrtiMalta, tella’ l-poloz sabiex abbina is-sewwieqa parteċipanti maż-żwiemel rispettivi.
Fil-ġranet li ġejjin il-Malta Racing Club ser ikun qiegħed jilqa’ d-delegazzjonijiet barranin tal-parteċipanti kif ukoll dawk tal-UET illi se jkunu prezenti għal dan l-avveniment. Filwaqt illi irringrazzja lill-propjetarji taż-żwiemel parteċipanti u lil EquestriMalta tas-sapport, il-Malta Racing Club xtaq iwassal l-awgurju tiegħu lis-sidien u s-sewwieqa kollha għall-edizzjoni memorabli ta’ dan l-Kampjonat Ewropew għall-Apprentisti.