Waqt dibattitu fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, fi New York, dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Malti, Ian Borg, enfasizza l-impenn ta’ Malta li tkun protetta l-ħajja tan-nies ċivili kollha fil-pajjiżi milqutin mill-gwerra.
Hu saħaq fuq il-kundanna bla riservi ta’ Malta għall-attakk tal-Hamas kontra Iżrael.
Dr Borg qal li Iżrael għandu dritt li jiddefendi lilu nnifsu u responsabbiltà biex jipproteġi lil niesu.
Il-Ministru Malti appella biex l-ostaġġi kollha f’din il-gwerra jinħelsu u tkellem dwar l-importanza li l-għajnuna umanitarja għall-Palestinjani, li jgħixu f’Gaza, tasal mingħajr interruzzjonijiet.
Fil-fatt qal li jekk tali għajnuna ma tasalx, ir-riżultat ikun katastrofi umanitarja.
Il-Ministru Borg ħeġġeġ lill-pajjiżi kollha fir-reġjun biex jibqgħu jisħqu dwar il-waqfien mill-ġlied biex jevitaw konflitti akbar.
Qal, “Malta remains committed to a lasting and sustainable peace in the Middle East. A peace which is based on a two-state solution, along the pre-1967 borders, addressing the legitimate aspirations of both sides with Jerusalem as the future capital of two states, living side by side in peace and security, in line with the relevant security council resolutions and internationally agreed parameters.”
Sadanittant, Malta se tibqa’ ssegwi l-iżviluppi fuq din il-kwistjoni importanti, u se tibqa’ taħdem mal-membri l-oħrajn tal-Kunsill tas-Sigurtà bit-tama li jintlaħaq qbil dwar rispons konġunt.