Il-Prim Ministru Robert Abela kompla jesponi l-gideb tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista bil-fatti dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. Dan waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti barra Dar il-Mediterran għall-Konferenzi hekk kif ġie mistoqsi dwar din il-materja.
Fil-fatt, il-Prim Ministru spjega kif il-Partit Nazzjonalista qed jigdeb meta jgħid li ċ-ċifra ta’ €400 miljun li tħallset lil Steward, tħallset għalxejn.
“Dak li qed tipprova timbotta ’l quddiem l-Oppożizzjoni li bħallikieku li l-Gvern ta xi €400 miljun lil Steward u dawn ma taw lura xejn hi gidba. Jiena anke waqt id-dibattitu Parlamentari għamilt din id-domanda lill-Oppożizzjoni. Jekk intom tafu b’xi ħadd li kapaċi jmexxi s-servizz mediku fit-tliet sptarijiet tagħna, orħos minn kif kien qed imexxih Steward jew orħos minn kif qiegħed illum, allura ejja ħa niddiskutu, però r-risposta għal dik id-domanda baqgħet ma ġie qatt.”
Dr. Robert Abela – Prim Ministru
B’differenza għal dak li qal il-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru rrimarka li Steward wettqet numru ta’ servizzi estensivi kemm fl-isptar Karin Grech kif ukoll fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
“Steward taw sensiela ta’ servizzi li, f’dibattitu Parlamentari, kelli l-opportunità nispjega dwarhom – servizzi ripetuti fil-pazjenti tagħna, investiment fl-infrastrattura. Kuntrarjament għal dak li qalet l-ewwel qorti ma kienx biss madum fil-kamra tal-banju.”
Dr. Robert Abela – Prim Ministru
Iżda l-Prim Ministru Robert Abela ma waqafx hawn, hekk kif sostna li l-Gvern mmexxi minnu jinsab għaddej bi proċeduri f’arbitraġġ internazzjonali biex jirkupra lura l-flus li tħallsu u li bihom ma sarx ix-xogħol, skont l-obbligi kuntrattwali.
“Jekk hemm xi diskrepanza, aħna konna mill-ewwel li f’April li għadda rreaġixxejna f’arbitraġġ internazzjonali li jekk hemm imqar ċenteżmu wieħed li tħallas lill-VGH jew Steward li ma ġiex irritornat lura f’servizz u f’investiment infrastrutturali jew anke jekk dak kollu li tħallas ġie rritornat lura f’servizz, imma Steward kienet obbligata twettaq obbligi oħrajn skont il-kuntratt u ma wettqithomx, allura aħna nipproteġu l-interess tal-poplu Malti u nġibu dak kollu li jista’ jkun dovut lill-poplu Malti.”
Dr. Robert Abela – Prim Ministru
Filwaqt li fakkar ukoll kif il-Gvern kien sod ma’ Steward dwar pendenzi li kellhom fi ħlas ta’ taxxi, il-Prim Ministru fakkar ukoll kif il-Gvern qatt ma ċeda quddiem pressjonijiet minn Steward biex tinbidel il-konċessjoni u jingħataw aktar flus.
“Kienu jgħidulna lilna, tejbulna l-ħlasijiet, ibdlulna l-konċessjoni u nwettqu l-investimenti kollha li aħna marbutin bihom. Jien dejjem għidtilhom le – dak hu l-ftehim li għandkom, jien mhux lesti li mit-taxxi tal-poplu nħallaskom aktar.”
Dr. Robert Abela – Prim Ministru