Malta Public Transport bħalissa qed twettaq proġett pilota maħsub biex tesplora l-benefiċċji potenzjali tal-użu ta’ vetturi elettriċi iżgħar f’lokalitajiet u żoni fejn id-daqsijiet attwali tal-karozzi tal-linja jistgħu jkunu inqas prattiċi.
Il-kumpanija tat-trasport pubbliku, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tat-trasport lokali, qed tuża dan il-proġett pilota biex tikseb għarfien dwar l-adattabilità u l-adegwatezza ta’ dawn il-minibuses bħala konsiderazzjoni għal futur fit-trasport.
Dan il-proġett pilota tpoġġa fl-azzjoni wara feedback mill-pubbliku li wasal permezz ta’ stħarriġ riċenti li sar minn Malta Public Transport kif ukoll minn organizzazzjonijiet oħra.
Il-minibus il-ġdida, li taħdem kompletament bl-elettriku u kapaċi takkomoda sa 25 passiġġier, diġà qed taħdem fuq varjetà ta’ rotot, fejn qed isservi rħula differenti madwar Malta. Dawn jinkludu r-Rotta 106: li sservi Ħ’Attard, Ħal-Lija, Ħal Balzan, Birkirkara, l-Isptar Mater Dei, u l-Università ta’ Malta; ir-Rotta 103: li sservi l-Bidnija, il-Mosta, in-Naxxar, Baħar iċ-Ċagħaq, and Pembroke; u r-Rotta 124: li topera bejn Marsaskala, Ħaż-Żabbar, Bormla, il-Birgu, u l-Isla.
Dan is-servizz huwa vijabbli biss f’lokalitajiet b’żoni li għandhom domanda baxxa għall-passiġġieri, prinċipalment minħabba l-limitu fil-kapaċità tal-ġarr tal-minibus, kif ukoll limitati għal żoni fejn il-karozzi tal-linja l-kbar ma jkunux jistgħu joperaw sew minħabba restrizzjonijiet ta’ daqs.
Fil-futur qarib, il-minibus se tkun skjerata wkoll fuq rotot ġewwa Għawdex, u se tkompli tespandi l-ambitu tal-istudju tal-proġett pilota biex tinkludi varjetà ta’ xenarji differenti.
Malta Public Transport diġà esperjenzat suċċess meta inkludiet trasport iżgħar bħas-servizz fil-Belt Valletta u s-servizzi on-demand f’diversi komunitajiet, li t-tnejn kisbu popolarità fost dawk li jivvjaġġaw bihom.
Għaddejjin pjanijiet biex tiġi esplorata l-integrazzjoni tal-minibuses elettriċi kemm fuq rotot eżistenti kif ukoll oħrajn ġodda, bl-iskop li jgħaqqdu l-irħula mat-terminals ewlenin tal-karozzi tal-linja u jissaħħu l-konnessjonijiet tat-trasport. Dan ikompli jikkumplimenta ż-żieda fl-għadd ta’ passiġġieri li Malta Public Transport ilha tesperjenza matul ix-xhur li għaddew, fejn f’Awwissu tal-2023 rat rekord ta’ 6.1 miljun passiġġier jivvjaġġaw matul dak ix-xahar.
Barra minn hekk, il-minibus ta’ Malta Public Transport qed tiġi evalwata għall-adegwatezza tagħha fis-servizzi ta’ trasport “on-demand”, li potenzjalment jikkumplimenta l-flotta tal-karozzi tal-linja eżistenti biex tissaħħaħ il-flessibilità u l-konvenjenza tat-trasport pubbliku.
Din it-tħabbira tkompli tibni fuq l-investiment riċenti ta’ €20 miljun li Malta Public Transport għamlet fl-elettrifikazzjoni tas-sistema tat-trasport pubbliku, li kien jinkludi l-inawgurazzjoni ta’ depot ġdid għall-iċċarġjar tal-karozzi tal-linja elettriċi u l-introduzzjoni ta’ 30 karozza tal-linja ġodda li jaħdmu kompletament bl-elettriku u ma jarmux emissjonijiet. Dan l-investiment sinifikanti jkompli jenfasizza l-impenn tal-kumpanija li tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tagħha u toħloq sistema ta’ trasport pubbliku aktar sostenibbli u favur l-ambjent għal Malta