“In-naħla Maltija ma ssibha mkien aktar fid-dinja u għandha wirt storiku uniku ħafna.” Din kien il-messaġġ ta’ Thomas Galea, li ilu jrabbi n-naħal sa minn ċkunitu u llum jagħmel parti mill-NGO lokali Breeds of Origin Conservancy, li taħdem biex tipproteġi n-naħla Maltija.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, Thomas ta r-reazzjoni tiegħu u spjega studji, li qed isiru bħalissa fil-Mediterran, minn fejn jirriżulta li, sfortunatament, il-popolazzjoni tan-naħla Maltija qed tonqos drastikament.
Minn din ir-riċerka ħareġ kif minn ħamsin kampjun tan-naħla lokali li ntbagħatu għal testijiet, instab li sitta biss minnhom huma Maltin.
Thomas Galea tenna li minħabba dan il-fenomenu, l-NGO, li jagħmel parti minnha, qed tieħu ħsieb proġett bl-isem ta’ MEDIBEES li jiġbor disa’ organizzazzjonijiet fi tmien pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett hu li jipproteġu u jikkonservaw in-naħla unika Maltija.
“Sfortunatament peress li l-predominanza tan-naħal li hawn Malta tidher li hi hybrid, jiġifieri hemm ħafna element ġenetiku Taljan fiha, l-unika soluzzjoni biex nirrevedu din il-biċċa tax-xogħol hi bil-breeding programe, jiġiferi programm ta’ tnissil selettiv, il-breeders, aħna nistgħu nagħżlu u nwarrbu l-kolonji li jkunu mħalltin b’ġenetika li mhijiex ta’ Malta ovvjament.”
Thomas Galea kompla jispjega li l-fenomenu tan-naħal li jitħalltu flimkien ilu jiġri għal għexieren ta’ snin minħabba l-fatt li f’Malta jiġu importati razez differenti ta’ naħal mill-Ewropa kollha u l-maġġoranza tagħhom ikunu naħal Taljani.
“Dan ilu jiġri għal għexieren ta’ żmien, għal dawn l-aħħar tletin sena tal-inqas u li jiġri dawn jitħalltu, in-naħla ta’ Malta u n-naħla Taljana. Peress li huma subspecies dawn kapaċi jitħalltu u jagħtu għal nisel li hu hybrid.”
Fl-aħħar mill-aħħar Thomas ġie mistoqsi għaliex in-naħla Maltija hi daqstant importanti u t-tweġiba tiegħu kienet li din għandha karatteristiċi notevoli li jiddistingwuha minn speċi oħrajn.
“In-naħla Maltija, apparti li hi endemika, jiġifieri ma ssibha mkien aktar fid-dinja ħlief Malta, tagħti wkoll wirt nazzjonali fis-sens li hemm valur miżjud fuq l-għasel. Hu importanti storikament u kif ukoll importanti wkoll għax għandha ċerti karatteristiċi li taddatta għall-klima Maltija b’mod aħjar min-naħal ta’ barra.”