Il-Karnival f’Malta jiftaħ is-separju għada biex pajjiżna jinbidel f’festa ta’ kuluri u xalar. Iżda bla ebda dubju, il-Karnival f’Għawdex ukoll jiġbed il-bosta, b’eluf ta’ Maltin jaqbdu l-vapur miċ-Ċirkewwa biex igawdu mill-briju Għawdxi li għamel ismu għal Karnival mill-aqwa.
Din hija aħbar tajba għan-negozji Għawdxin hekk kif f’dawn il-jiem tal-Karnival ikollhom l-istabbilimenti mimlijin aktar mis-soltu, filfatt ONE NEWS ikkuntattja numru ta’ lukandi u farmhouses f’Għawdex u saqsejna jekk fadlilhomx postijiet ta’ akkomodazzjoni għal tmiem il-ġimgħa, iżda b’tonn ferħan u pożittiv it-tweġiba tagħhom kienet li sfortunatament ma fadlilhomx post.
Filfatt, jekk wieħed jidħol fuq is-sit booking.com, li huwa sit magħruf biex wieħed isib lukanda jew postijiet ta’ akkomodazzjoni madwar id-dinja, filfatt juri d-domanda kbira li qed issir biex kemm turisti u kemm il-Maltin jqattgħu tmiem il-ġimgħa jgawdu t-talent artistiku ta’ pajjiżna hekk kif ħafna minnhom jgħidu ‘sold out’ jew ‘1 room left.’
U għalhekk jekk din is-sena ħallejt għall-aħħar, jaf jiddispjaċik għax kenn fejn torqod diffiċli ssib.