Differenti minn okkażjonijiet preċedenti, il-Kurja tal-Arċisqof baqgħet ma ħarġet l-ebda kundanna diretta għar-riżoluzzjoni, li ġiet approvata b’maġġoranza fil-Parlament Ewropew il-ġimgħa li għaddiet. Fost oħrajn, din attakkat lil Malta li għad m’għandhiex abort legalizzat.
Ir-riżoluzzjoni kienet imbottata mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista David Casa, li bl-iskop li jilħaq l-aġenda partiġġjana tiegħu li jattakka lil Malta taħt it-tmexxija ta’ Gvern Laburista, kellu jċedi għall-kompromessi fil-grupp tal-Partiti Popolari Ewropej, l-EPP.
Kif ġie rrapportat diġà minn ONE News, l-MEP Nazzjonalista kellu jaċċetta li tiddaħħal klawżola speċifika dwar l-abort, inkella ma kienx se jkollu l-appoġġ neċessarju minn MEPs oħrajn meta r-riżoluzzjoni tressqet għall-vot fil-plenarja fi Strasburgu. Casa m’opponiex li jiddaħħal paragrafu speċifiku li jitlob lil Malta ddaħħal l-abort u finalment anke vvota fuq ir-riżoluzzjoni kif inhi.
ONE News talab lill-Kurja għal reazzjoni mingħand l-Arċisqof Charles Scicluna dwar tali riżoluzzjoni, anke minħabba l-fatt li l-Knisja ma tniffsitx mindu l-vot ittieħed fi Strasburgu u ġie rrapportat pubblikament nhar il-Ħamis 19 ta’ Ottubru.
Fil-fatt staqsejna speċifikament, kif ġimgħa wara, baqgħet ma saret l-ebda dikjarazzjoni uffiċjali f’dan ir-rigward kemm mill-Arċisqof kif ukoll mill-Kurja.
Minflok, iżda, il-Kurja weġbitna li l-Arċisqof jinsab impenjat għax-xahar sħiħ t’Ottubru f’Ruma fejn għaddej is-Sinodu tal-Isqfijiet, daqslikieku jinsab indispost għal kumment. Dan anke jekk, fil-paġna uffiċjali tal-Kurja fuq Facebook, nhar il-Ħadd li għadda ttella’ messaġġ ta’ minuta u nofs mill-Arċisqof fl-okkażjoni tal-Jum tal-Missjoni.
Fi tweġiba bil-miktub, l-uffiċċju tal-midja tal-Kurja rreferina wkoll għall-aħħar pastorali mill-Isqfijiet, li ħarġet għaxar xhur ilu, fl-okkazjoni tal-Kunċizzjoni, bit-titlu “Nipproteġu kull ħajja umana b’għożża kbira”.
Saret ukoll referenza għal silta partikolari minn omelija li għamel l-Isqof Joseph Galea Curmi f’quddiesa l-Ħadd li għadda fil-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat.
Hawnhekk, waqt li l-omelija tirreferi “għad-dritt tal-ħajja ta’ min għadu ma twelidx”, imkien ma ssemmi direttament ir-riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew, wisq inqas tikkundannaha b’xi mod.
Għaldaqstant, waqt li f’okkażjonijiet oħrajn il-Kurja u l-Arċisqof kienu pronti jikkummentaw, f’dan il-każ tar-riżoluzzjoni ta’ David Casa ma ġarax l-istess.