Mistennija aktar għajnuna f’Gaza, fi sfond ta’ appelli kontinwi mill-mexxejja tal-Punent, li qed jisħqu li n-nies ċivili għandhom jiġu protetti.
Il-Ġnus Magħquda qalu li erbatax-il trakk ieħor mgħobbija b’għajnuna umanitarja waslu f’Gaza – fit-tieni vjaġġ ta’ għajnuna f’aktar minn ġimagħtejn.
Il-Kap tal-Għajnuna tal-Ġnus Magħquda, Martin Griffiths, qal li dan huwa xaqq ieħor żgħir ta’ tama għall-Palestinjani, iżda wissa li xorta jeħtieġu ħafna, ħafna iktar.
Il-mexxejja tal-Istati Uniti, tar-Renju Unit, tal-Kanada, ta’ Franza, tal-Ġermanja u tal-Italja, reġgħu sostnew is-sapport tagħhom għall-Iżrael, filwaqt li reġgħu sejħu għall-protezzjoni tan-nies ċivili.
Aktar kmieni, il-Prim Ministru tal-Iżrael, Benjamin Netanyahu qal lit-truppi li n-nies tiegħu qegħdin f’battalja għal ħajjithom, u li l-gwerra kontra l-Hamas hija sitwazzjoni ta’ “do or die”.
Tul it-tmiem il-ġimgħa li għadda, il-militar tal-Iżrael wiegħed li jżid l-attakki mill-ajru f’Gaza, u wissa lill-Palestinjani li għadhom fit-territorju tan-naħa ta’ fuq, biex jinżlu lejn in-naħa t’isfel.
Fil-fatt, fl-aħħar sigħat, l-Iżrael qal li laqat aktar minn tliet mija u għoxrin mira fl-istrippa tal-Gaza, filwaqt li l-awtoritajiet Palestinjani qalu li d-djar ġew milquta mingħajr twissija.
Il-Ministru tad-Difiża tal-Iżrael qal li din il-gwerra se tieħu xhur u mhux se jibqa’ aktar Hamas. Huwa ta x’jifhem ukoll dwar attakki mill-art.
Il-Hamas bdew bl-attakki fl-Iżrael fis-sebgħa t’Ottubru, u nqatlu aktar minn elf u erba’ mitt persuna. Uffiċjali f’Gaza qalu li minn dakinhar, inqatlu aktar minn erbat elef u sitt mitt ruħ fit-territorju.