Il-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista David Casa nkixef bi kliemu stess dwar kif, biex jattakka lil Malta, kien lest jaċċetta paragrafu li jitlob l-abort f’Malta, wara li f’pajjiżna stess kien minn ta’ quddiem nett iħeġġeġ lill-Maltin jipprotestaw bil-kontra.
Dan ħareġ evidenti f’artiklu tal-opinjonista Raphael Vassallo li, fil-MaltaToday, kiteb taħt it-titlu: “David Casa discovers that his own medicine doesn’t taste all that great, after all…”
F’riżoluzzjoni kontra Malta, imbottata mill-MEPs tal-Partit Nazzjonalista u li nħadmet primarjament minn Casa, kien inkluż appell biex Malta tagħmel l-abort legali.
Dan meta f’Malta Casa tgħidx kemm jgħid li hu kontra u saħansitra pprotesta kontra emenda bil-għan li tkun imħarsa l-ħajja u s-saħħa tal-mara f’każi fejn ikun hemm riskju gravi.
Iżda, fi Brussell, Casa wera wiċċ ieħor u vvota favur din ir-riżoluzzjoni.
Biex jipprova jġaħġaħha, Casa pprova joħroġ jiddefendi ruħu, iżda l-fatti malajr wrew l-ipokrezija tiegħu u kif ma jistax jaħrab l-azzjonijiet tiegħu.
L-artiklu fil-MaltaToday fakkar kif meta fil-passat MEPs tal-Partit Laburista vvotaw favur rapporti li tkellmu dwar il-faqar fid-dinja u kellhom l-għan li jappoġġjaw inizjattivi favur l-ippjanar tal-familja, it-tnaqqis tar-riskju ta’ infezzjonijiet trasmessi sesswalment u l-hekk imsejħa ‘reproductive healtchare’, Casa kien qal li kellhom jivvotaw kontra rapport sħiħ, għax inkella kienu qed jivvotaw favur l-abort.
Iżda, issa kien hu li vvota biex Malta tkun imħeġġa ddaħħal l-abort u għamel dan biex seta’ jimbotta riżoluzzjoni li tattakka s-saltna tad-dritt f’Malta.
Fuq kollox l-opinjonista ta’ esperjenza jgħid li kien David Casa li beda l-proċess biex dik il-klawsola spiċċat inkluża. U għalhekk żied li l-fatt jibqa’ li ma tantx jista’ jkun faċli għalih li jiddistanzja ruħu mill-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu.