Is-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg, indirizza attività politika fir-Rabat Għawdex li fiha spjega d-diskussjonijiet dwar Ħondoq ir-Rummien tul is-snin mal-Prim Ministru Robert Abela.
Bil-messaġġ tiegħu kien wieħed ċar li llum Ħondoq huwa salvat, u għal dan ta ħajr lill-Prim Ministru li żamm kelmtu.
“Grazzi għan-nom tal-Qalin, tal-Għawdxin u tal-Maltin kollha għaliex żammejt il-wegħda tiegħek. Illum mhux qed nidher quddiemek sabiex nitolbok ma tħalliex il-qerda ta’ ħondoq imma biex nirringrazzjak talli żammejt kelmtek.”
Buttigieg fakkar kif tul dawn l-aħħar tnejn u għoxrin sena fil-ġlieda tagħna favur Ħondoq, il-Partit Laburista kellu pożizzjoni konsistenti fejn wera rieda soda li jsalva lil Ħondoq.
Fakkar kif l-inkwiet beda fl-2002 meta saret talba lill-Kunsill Lokali biex l-art ta’ Ħondoq tingħata lil iżviluppaturi.
“Illum ngħid dak li kien ilu jgħidli l-maħbub Prim Ministru tagħna. Kif jinqata’ l-każ fil-Qorti se nibgħat għalik. Anki hemm żamm kelmtu mal-ewwel għaliex dan is-sajf ġejt f’Kastilja għal laqgħa miegħek u flimkien tħadditna dwar il-futur ta’ Ħondoq. Minnufih inti tellajt din it-tema f’Kabinett dwar strateġija li tagħti ċertezza u serħan il-moħħ li Ħondoq ma għandux jiġi żviluppat.”
Bl-għajta ta’ Viva Ħondoq, Buttigieg temm id-diskors tiegħu.
Indirizza wkoll l-attivita politika Jesmond Bonello, eks President tal-Union Ħaddiema Magħqudin li tkellem dwar kif il-prinċipji tiegħu favur il-ħaddiema huma dawk li wasluh biex jinvolvi ruħu fil-moviment Laburista .
Elenka d-deċiżjonijiet tal-Gvern immexxi mill-Partit Laburista u minn Robert Abela favur il-ħaddiema u saħaq li dan waslu biex jikkontribwixxi iktar għall-pajjiżna u biex saħansitra ikun kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla.